Mhux kull min huwa suspettat f’xi reat għandu bżonn li jitrażżan bil-forza. F’ċerti sitwazzjonijiet li l-pulizija jirrispondu għalihom illum, jinvolvu lil xi ħadd li għal xi raġuni jew oħra ma jobdiex l-ordnijiet tal-Pulizija, iżda mhux neċessarjament ikun vjolenti u dawn jinkludu persuni li huma emozzjonalment imfixkla, individwi bi problema ta’ saħħa mentali, jew persuni li jkunu taħt l-influwenza tal-alkoħol u/jew drogi.

Il-Pulizija stazzjonati mar-Rapid Intervention Unit (RIU) u dawk fl-Isptar Mater Dei, ingħataw taħriġ speċċjalizzat u huma ċċertifikati li jistgħu jużaw teknoloġija innovattiva u aktar sikura, magħrufa bħala “BolaWrap”.
Il-“BolaWrap” hija teknoloġija tat-tip ta’ taser, iżda b’użu ta’ ħabel apposta, fejn is-suspettat jitwaqqaf mingħajr ma jweġġa’ hu, u wisq anqas iweġġgħu l-uffiċjali tal-pulizija. Il-ħabel jista’ jiġi sparat minn distanza ta’ bejn 3 u 8 metri u jkun mmirat lejn ir-riġlejn u d-dirgħajn. Dan iwassal biex il-persuna titrażżan u jkun immobilizzat mill-ewwel.

“Wieħed mill-vantaġġi ewlenin tal-BolaWrap huwa l-użu faċli tiegħu. Jeħtieġ taħriġ minimu u jista’ jintuża malajr, li huwa importanti għal sitwazzjonijiet fejn il-ħin huwa essenzjali. Li jkollok għodda li hija faċli biex tużah jgħin lill-uffiċjali tagħna biex iwaqqfu suspettat b’mod effettiv u sikur. Vantaġġ ieħor tal-BolaWrap huwa l-versatilità tiegħu. Jista’ jintuża f’diversi sitwazzjonijiet, fejn apparat ieħor ma jkunx jista’ jintuża”, spjega l-Ispettur Raymond Azzopardi li mexxa t-taħriġ fl-użu tal-BolaWrap.
Il-“BolaWrap” mhix arma u anqas hi ddisinjata biex tikkawża uġigħ biex twaqqaf lil xi ħadd. Minflok, hija meqjusa bħala manetti remoti u għodda siewja u effettiva biex tassisti lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi biex iżommu individwi b’mod sigur qabel mas-sitwazzjoni teskala.

Kevin Mullins, il-Kap Eżekuttiv ta’ WRAP Technologies, Inc., qal li “ninsab kuntent nilqa’ lill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta fil-familja WRAP. Huwa tassew ta’ ispirazzjoni li tara numru dejjem jikber ta’ pajjiżi Ewropej iħaddnu teknoloġiji innovattivi bħal BolaWrap 150. Din hija għodda alternattiva għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi biex jipprevjenu jew inaqqsu sitwazzjonijiet potenzjalment perikolużi. Dan il-pass juri l-impenn tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta biex kontinwament itejbu l-metodi tagħhom u jagħtu prijorità lill-benessri taċ-ċittadini Maltin.”