Joseph Borg Bonaci, ta’ 48 sena residenti l-Ħamrun li hu wkoll uffiċjal tal-Pulizija ma nstabx ħati li wettaq ġrieħi ħfief fuq mara li allegatament attakkatu b’virga meta pprova jwaqqafha milli ssuq hekk kif kienet fuq il-mobile.
Il-każ kien seħħ fid-9 ta’ Awwissu tal-2023 meta l-imputat kien qiegħed isuq vettura tas-servizz fi Triq Buqana fir-Rabat Malta meta nnota lill-mara ssuq bil-mobile f’idejha.
Il-vittma, kienet għamlet rapport għand il-Pulizija fejn allegat li Borg Bonaci beda jdoqq il-ħorn u saqet fil-ġemb u huwa attakkaha u wara hija pprovat tiddefendi ruħha b’virga. Allegat li l-uffiċjal tal-Pulizija kissrilha n-nuċċali. Hija wara saqet lejn Ħaż-Żebbuġ biex tmur għal bintha u għamlet rapport.
Min-naħa tiegħu l-imputat qal li għamel rapport għax il-mara kienet qed tikser ir-regolamenti tat-traffiku għax kienet qiegħda tuża l-mobile waqt li ssuq u anke li ma obditex l-ordinijiet tal-pulizija. Qal li wara li identifika ruħu bħala uffiċjal tal-pulizija u infurmaha li kien se jirrapporta l-każ, allegatament tagħtu daqqa ta’ oġġett fuq rasu.
Waqt il-proċeduri l-vittma qalet li ma tridx tagħti xhieda tagħha. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-imputat uża biss forza minima biex jikkontrolla lill-mara. Il-Pulizija ċaħad li ta xi daqqa lill-vittma.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li ġie nnutat li l-Pulizija ma wera l-ebda dokument ta’ identifikazzjoni formali, iżda fl-istess waqt wettaq il-ħidma tiegħu meta waqqaf lill-mara milli tkompli tikser il-liġi.
Il-Qorti nnutat ukoll li l-mara kienet qed issuq mingħajr liċenzja u mingħajr assigurazzjoni, u li ġie kkonfermat li kienet qed tikser r-regolamenti tat-traffiku, xi ħaġa li tista’ ssuġġerixxi li azzjoni tagħha kienet biex tirreżisti jew teħles u taħrab mill-ġustizzja.
Il-Magistrat Kevan Azzopardi ħeles lil Borg Bonaci mill-akkużi kollha.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent tal-Pulizija Godwin Scerri, filwaqt li l-avukati Herman Mula u Silvan Pulis assistew lill-uffiċjal.

