Sunday, November 24, 2024

Pulizija migdum minn kelb wara inċident jinsab ukoll taħt investigazzjoni

… tkompli l-kumpilazzjoni ta’ raġel mixli li ħebb għal uffiċjal off-duty

Aqra wkoll

Surġent tal-Pulizija li allegatament safa migdum minn kelb waqt li kien involut f’argument ma’ sewwieq wara ħabta f’Ħ’Attard jinsab ukoll taħt investigazzjoni b’rabta mal-inċident. 

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Andrew Agius Bonello hekk kif ilbieraħ kompla jinstema’ l-każ ta’ Ngeanya Evise Fombeh ta’ 31 sena mill-Kamerun, li jinsab mixli li ħebb għal uffiċjal, li nzerta kien off-duty. 

Fis-seduta tal-ġimgħa l-oħra, il-każ ħa żvolta differenti hekk kif ħareġ li fil-fatt kien kelb li kkaġuna ġrieħi gravi fuq il-vittma.

Sadanittant, fil-kontro-eżami tal-Ispettur Agius Bonello, li saret ilbieraħ, id-Difiża staqsiet lix-xhud għaliex l-imputat kien akkużat li kkaġuna ġrieħi gravi meta l-vittma stess kien qal lill-pulizija li kien gidmu kelb.

“Kien hemm gidma iżda din ma kinitx l-unika ferita li kien hemm fuq id il-leminija tal-vittma,” wieġeb l-Ispettur Agius Bonello. Huwa qal li t-tabib li ċċertifika lill-uffiċjal fl-isptar Mater Dei ma kienx iċċara liema ferita kienet ikkawżata mill-kelb u dik li kienet ikkawżata minn persuna. 

Ix-xhud spjega wkoll li l-allegat vittma kien ukoll qiegħed jiġi investigat b’rabta mal-involviment tiegħu fl-inċident.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ħatra espert mediku biex jeżamina lill-vittma sabiex ikun żgurat jekk il-feriti kinux ikkawżati mill-ġlieda bejn iż-żewġ xufier jew inkella mill-kelb. 

Il-Qorti qalet ukoll li se tiddeċiedi jekk hemm biżżejjed evidenza prima facie biex Fombeh jitqiegħed taħt att ta’ akkuża wara li l-espert jissottometti s-sejbiet tiegħu.

Il-każ ikompli.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Andrew Agius Bonello u Clayton Camilleri.

L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb qed jidhru għall-imputat.

Sport