Wednesday, October 9, 2024

Pulizija mitluba jilbsu T-shirt jew beritta tal-baseball waqt xogħol extra jew overtime

Aqra wkoll

Il-Malta Police Union (MPU) tat direttiva lill-pulizija membri tagħha biex minn għada l-Ħadd fis-6.00 a.m. jilbsu t-T-shirt, il-beritta tal-baseball jew l-ID maħruġin mill-Pulizija waqt li jkunu qed jagħmlu xogħol extra jew overtime.

Ħabbret dan il-MPU wara li qalet li l-kwistjoni li kellha mal-Korp tal-Pulizija dwar l-immaniġġjar tat-traffiku, li dwarha iddikjarat tilwima industrijali, baqgħet ma ġietx solvuta.

Waqt li għamlitha ċara li għax-xogħol fil-ħin normali l-pulizija għandhom jilbsu l-uniformi sħiħa, l-MPU rrimarkat li l-Korp tal-Pulizija sab il-pandemija konvenjenti biex jużaha bħala skuża għal kull nuqqas ta’ azzjoni amministrattiva.

Il-MPU żiedet tgħid li bħala union tikkunsidra dan is-servizz bħala opportunità għall-uffiċjali li jaqilgħu xi ħaġa żejda waqt li ma jkunux xogħol. Spjegat li dan is-servizz jitħallas mill-persuna nnifisha jew mill-enitità li titlob għal dan is-servizz u l-approvazzjoni tingħata biss meta l-uffiċjal ikun disponibbli fit-tali ħin u tali ġurnata tas-sejħa.

Sport