Il-pulptu minqux fl-injam tal-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katarina ta’ Lixandra fiż-Żurrieq, li jmur lura għall-1669, u rikonoxxut bħala t-tieni l-eqdem pulptu f’Malta wara dak tal-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt, ġie rrestawrat għas-sbuħija orġinali tiegħu grazzi għall-appoġġ tal-Fondazzjoni Bank of Valletta. L-appoġġ tal-Bank għal dan il-proġett jirrifletti l-impenn kontinwu tiegħu għas-sostenibbiltà kulturali u l-protezzjoni tal-wirt ta’ Malta.
Il-pulptu restawrat ġie inawgurat waqt ċerimonja ppreseduta mill-Arċipriet Dun Daniel Cardona, iċ-Chief Operations Officer tal-Bank Ernest Agius u Valentina Lupo, konservatriċi u fundatriċi ta’ Atelier del Restauro.
Il-pulptu mnaqqax fl-injam tal-ġewż, huwa wieħed mill-ifjen eżempji ta’ xogħlijiet ekkleżjastiċi ta’ żmienu maħduma fl-injam, li jgħaqqad l-aspett artistiku mal-ikonografija reliġjuża. Matul is-sekli, il-pulptu ġarrab diversi ħsarat minħabba l-użu, infestazzjoni ta’ insetti, kif ukoll akkumulazzjoni ta’ żebgħa li tfew ħafna mid-dettalji tiegħu. L-intervent metikoluż kien jinkludi l-konsolidazzjoni strutturali, b’mod partikolari fl-aktar partijiet li ġarrbu ħsarat u ddgħajfu. Wara li tneħħew saffi ta’ ħmieġ, żebgħa antika u verniċ mhux oriġinali nkixxfu dettalji mnaqqxa u dekorazzjonijiet oħra. L-elementi u dettalji li ntilfu reġgħu nħadmu bl-idejn fl-injam tal-ġewż, filwaqt li tnaddfu u sar xogħol fuq l-istatwi mnaqqxa ta’ Santa Katarina, Santa Barbara, Santa Agnese, Santa Luċija, Santa Agata u Santa Margerita. Ġie konservat ukoll il-kurċifiss tal-kartapesta u nkixef id-dettall oriġinali tiegħu.
Iċ-Chief Operations Officer Ernest Agius, f’isem il-Fondazzjoni Bank of Valletta rrimarka, “Fil-Bank of Valletta, aħna nemmnu li l-preservazzjoni tal-wirt kulturali u artistiku ta’ Malta hija parti mir-responsabbiltà tagħna lejn il-komunità lokali. Bl-appoġġ tagħna f’dan il-proġett, konna ta’ għajnuna biex jiġi ssalvagwardjat dan ix-xogħol tal-arti mill-isbaħ li jifforma parti mill-identità kollettiva tagħna bħala nazzjon. Aħna kburin li qed naraw dan il-pulptu restawrat, konxji li jista’ jiġi apprezzat mill-ġenerazzjonijiet futuri.”
Meta tkellmet dwar il-proġett, Valentina Lupo spjegat, “Dan il-pulptu huwa eżempju rari tal-artiġjanat Malti tas-seklu 17, u l-ħidma fuqu kienet kemm privileġġ kif ukoll responsabbiltà. L-għan tagħna kien li nistabbilizzaw u nerġgħu nagħtu l-ħajja lill-pulptu, filwaqt li nirrispettaw l-integrità storika tiegħu. Kull intervent twettaq b’attenzjoni, filwaqt li rrispettajna l-istorja tal-pulptu sabiex is-sbuħija tiegħu terġa’ toħroġ.”
Dun Daniel Cardona qal li, “Il-Knisja tgħożż dawn ix-xogħlijiet mhux biss minħabba l-aspett artistiku tagħhom imma bħala strumenti ta’ fidi u devozzjoni. Dan ir-restawr jippermetti li l-pulptu jkompli jaqdi l-irwol spiritwali u kulturali tiegħu fil-parroċċa taż-Żurrieq, u aħna grati lejn il-Bank of Valletta li għamel dan possibbli u lejn Atelier del Restauro għax-xogħlijiet ta’ konservazzjoni.”