Saturday, December 21, 2024

Purċissjonijiet jitħassru u oħrajn ridotti minħabba riħ qawwi

Aqra wkoll

Ir-riħ baqa’ jippersisti u dawk li ttamaw li jkomplu bil-purċissjonijiet kif ittamaw, kellhom iħassru l-pjanijiet. Fost dawk li għall-ewwel kienu pjanati li jkomplu kien hemm ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta li wkoll ħassru l-purċissjoni tagħhom. Tħassru wkoll il-purċissjonijiet f’Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ, Bormla u fil-Birgu.

F’lokalitajiet bħalma huma l-Mosta u Raħal Ġdid saru purċissjonijiet ridotti minħabba r-riħ fejn minflok kif pjanat, ħarġu l-personalitajiet lebsin il-kostumi, iżda l-vari tħallew ġewwa.

3:45 p.m: “Ġibna quddiem għajnejna s-saħħa ta’ dawk li kienu se jieħdu sehem kif ukoll il-ħsarat”

Fl-aħħar sigħat komplew ir-reazzjonijiet b’rabta mal-aħbar li aktar kumitati għażlu li jħassru l-purċissjonijiet fil-lokalitajiet tagħhom.

Fost dawn kien hemm ir-reazzjoni tal-Kumitat Festi Ġimgħa l-Kbira li filwaqt li ħabbret li b’dispjaċir minħabba ċ-ċirkostanzi tat-temp, il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ġiet ikkanċellata, talbet lill-pubbliku biex jifhem il-ħsieb wara din id-deċiżjoni diffiċli.

Intqal li “Id-deċiżjoni ttieħdet wara li ġibna quddiem għajnejna s-saħħa ta’ dawk li kienu se jkunu qed jieħdu sehem u kif ukoll il-ħsarat li setgħu ġew ikkawżati minħabba din is-sitwazzjoni. Minflok illejla se ssir Via Sagra fil-Knisja Parrokkjali għall-ħabta tas-6.00 p.m”.

2:15 p.m: Aktar purċissjonijiet jitħassru minħabba r-riħ qawwi

Wara li aktar kmieni l-Kolleġġjata tan-Naxxar u l-Grupp Organizzattiv tal-Ġimgħa l-Kbira ħabbru li l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ma kinitx se ssir, tħabbar li aktar purċissjonijiet se jkunu qegħdin jieħdu l-istess deċiżjoni bi prekawzjoni minħabba l-maltemp.

Fost dawk li kkonfermaw li l-purċissjoni fil-lokalità tagħhom mhijiex se tkun qiegħda toħroġ hemm l-Isla, iż-Żejtun, ir-Rabat Malta u r-Rabat Għawdex kif ukoll iż-Żebbuġ Għawdex.

Minn naħa l-oħra, oħrajn ikkonfermaw li l-purċissjoni se tkun qiegħda ssir xorta waħda u fost dawn hemm Ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta (li talk.mt żaret aktar kmieni), Bormla u n-Nadur Għawdex. Minkejja dan, il-purċissjonijiet f’dawn il-lokalitajiet mistennija jiġu ridotti għal rotot iqsar bi prekawzjoni minħabba r-riħ.

12:30 p.m: Titħassar il-purċissjoni tan-Naxxar… reazzjonijiet imħallta għall-aħbar

It-temp ikrah wassal biex tħassret il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tan-Naxxar. Ħabbru dan il-Kolleġġjata tan-Naxxar u l-Grupp Organizzattiv tal-Ġimgħa l-Kbira wara diskussjoni interna li saret.

Wara din id-diskussjoni li fiha ġew studjati kull alternattiva possibbli ttieħdet id-deċiżjoni li l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ma toħroġx.

Id-deċiżjoni ġabet magħha reazzjonijiet imħallta fost dawk li kienu ilhom jippreparaw għal din il-purċissjoni. Fosthom kien hemm dawk li esprimew id-diżappunt tagħhom għal din id-deċiżjoni li skonthom ittieħdet kmieni wisq. Minn naħa l-oħra, oħrajn fehmu li l-maltemp seta’ jwassal għal ħsarat estensivi li jistgħu jammontaw għal eluf ta’ Euro.

Mhux eskluż li lokalitajiet oħra jieħdu deċiżjonijiet simili skont il-kundizzjonijiet tat-temp.

Ekonomija

Sport