Pustier ma’ Royal Mail li ħa aktar minn 130 pakkett id-dar miegħu matul il-lejl rebaħ każ ta’ tkeċċija inġusta kontra min iħaddmu.
Walacy Ramos kien tkeċċa mill-impjieg wara li żamm għandu posta mhux kunsinjata mingħajr permess.
Quddiem it-Tribunal, huwa spjega li waqt li kien għaddej b’xogħlu, darba waranofsinhar ħassu ma jiflaħx u ddeċieda li jieħu d-dar tiegħu t-trolley bl-ittri u l-pakketti u mbagħad iqassamhom fil-ġurnata libera tiegħu.
Madankollu, meta aktar tard intlemaħ iqassam dawn il-pakketti f’Londra barra mill-ħinijiet tax-xogħol tiegħu, huwa spiċċa biex tkeċċa mill-impjieg.
It-Tribunal kien sab li Ramos kien tkeċċa b’mod inġust peress li l-kumpanija ma ħaditx kunsiderazzjoni tal-kwistjonijiet ta’ saħħa mentali li kellu u li s-sanzjoni mposta fuqu kienet ħarxa wisq.
L-Imħallef Rachel Beckett, li ppresediet fuq it-Tribunal fid-deċiżjoni tagħha qalet: “Seta’ min iħaddem raġjonevolment jiddeċiedi li jkeċċi lis-Sur Ramos talli aġixxa bil-mod kif għamel f’dan il-każ? Ma naħsibx li setgħu jagħmlu dan.
“Iċ-ċirkostanzi li wasslu biex ir-rikorrent naqas milli jwassal il-posta kollha fix-xift tiegħu kienu riżultat ta’ kundizzjonijiet mediċi li Royal Mail ġiet infurmata dwarhom,” qalet l-Imħallef Beckett.
Il-kumpens li mistenni jingħata Ramos se jkun deċiż f’seduta oħra li se tinżamm fil-ġimgħat li ġejjin.