Mindu il-President Amerikan Donald Trump ħabbar d-dazji ġodda estensivi fuq prodotti importati lejn l-Istati Uniti, fit-2 ta’ April, nqala’ putiferju sħiħ. Madankollu, ejjew nirriformulaw is-sitwazzjoni kif suppost.
Fl-2024, il-prodotti esportati minn Malta lejn l-Istati Uniti kienu jammontaw għal madwar 5 fil-mija tal-esportazzjonijiet kollha ta’ prodotti minn Malta, filwaqt li prodotti importati mill-Istati Uniti kienu jirrappreżentaw madwar 3.5 fil-mija. Dan juri li l-impatt dirett ta’ dawn id-dazji fuq Malta għandu jkun relattivament limitat.
Iżda dak li hu ta’ tħassib akbar hu l-impatt indirett. Ħarsa sempliċi lejn il-Bilanċ tal-Pagamenti ta’ Malta turi li fl-2024 Malta esportat madwar €22.8 biljun f’servizzi, minnhom €14.5 biljun lejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Dan juri kemm Malta tiddependi fuq l-ekonomiji Ewropej, speċjalment fil-qasam tas-servizzi.
Fl-2024, l-Unjoni Ewropea esportat €531.6 biljun f’oġġetti lejn l-Istati Uniti, li jammontaw għal żieda ta’ 5.5% fuq is-sena ta’ qabel. Il-pajjiżi Ewropej ewlenin li jesportaw lejn l-Istati Uniti kienu: il-Ġermanja, l-Italja, l-Irlanda, Franza u l-Olanda.. Dawn il-pajjiżi waħedhom kienu responsabbli għal madwar 70 fil-mija tal-esportazzjonijiet kollha tal-UE lejn l-Istati Uniti.
Il-prodotti ewlenin li l-Unjoni Ewropea esportat lejn l-Istati Uniti kienu Prodotti mediċinali u farmaċewtiċi (22.5 fil-mija), Vetturi (9.6 fil-mija), Magni industrijali ġenerali (6.4 fil-mija), Apparat elettriku (6.0 fil-mija) u Magni speċjalizzati (5.0%)
Barra minn hekk, l-esportazzjoni lejn l-Istati Uniti jirrappreżentaw madwar 10 fil-mija tal-esportazzjonijiet totali tal-Ġermanja, l-Italja u l-Olanda, 5 fil-mija għal Franza u 30 fil-mija għal Irlanda – figura li tispikka b’mod sinjifikanti.
Il-konsegwenza għal Malta? Għalkemm l-esportazzjonijiet diretti ta’ prodotti lejn l-Istati Uniti huma żgħar, Malta tiddependi ħafna fuq l-ekonomiji Ewropej li huma l-aktar esposti għal dawn id-dazji. U billi l-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-Istati Uniti jammontaw għal madwar 3 fil-mija tal-PGD totali tal-Unjoni Ewropea fl-2024, kull tnaqqis jista’ jkollu effett fuq l-ekonimiji Ewropej.
Dan kollu jista’ wasal, ghal konsegwenzi indiretti għall-ekonomija Maltija, bħal ma huma:
Tfixkil fis-supply chains fejn kumpaniji Maltin li jagħmlu parti minn katini ta’ forniment Ewropej jistgħu jesperjenzaw tnaqqis fid-domanda jekk kumpaniji Ewropej ibatu minn dawn id-dazji.
Tkabbir iktar kajman fl-ekonomiji Ewropej li jista’ jwassal għal domanda aktar baxxa fuq prodotti u servizzi Maltin.
Inċertezza kummerċjali globali tista’ taffettwa l-investiment dirett barrani f’Malta u fl-Ewropa b’mod ġenerali.
Biex tiġi navigata din is-sitwazzjoni b’mod strateġiku, Malta għandha tħares lejn il-possibilità ta ‘ diversifikazzjoni tas-swieq tal-esportazzjoni u tnaqqis fid-dipendenza fuq suq wieħed bħal l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Uniti, titjib fil-kompetittività permezz ta’ investiment fit-teknoloġija, fl-innovazzjoni u titjib fil-ħiliet tal-ħaddiema, kif ukoll nkompli nkabbru ir-reżiljenza ekonomik sabiex Malta tadatta għal bidliet fis-suq u tensjonijiet kummerċjali globali.
F’dan l-istadju, għadu mhux ċar x’se jkun il-pass li jmiss mill-Istati Uniti. Għalkemm id-dazji tħabbru b’mod formali, ġew sospiżi temporanjament, u m’hemm l-ebda garanzija jekk humiex se jiġu applikati fil-futur jew le. Din l-inċertezza tkompli żżid mal-instabbiltà fis-swieq globali.
Fl-istess ħin, ir-rispons tal-Unjoni Ewropea għadu mhux definittiv. Filwaqt li qed isiru sforzi diplomatiċi biex jintlaħaq ftehim u jiġu evitati tensjonijiet kummerċjali, l-Unjoni Ewropea qed tħejji wkoll għażliet ta’ ritaljazzjoni jekk id-dazji jiġu implimentati.
Għalhekk, kemm id-direzzjoni tal-politika Amerikana kif ukoll ir-reazzjoni Ewropea jibqgħu mdawra b’ċertu livelli ta’ ambigwità. F’sitwazzjoni bħal din, l-ekonomiji Ewropej—inkluża Malta—għandhom jibqgħu attenti u flessibbli, filwaqt li jsaħħu r-reżiljenza tagħhom għal kwalunkwe żviluppi mhux mistennija li jistgħu jaffettwaw l-istabbiltà kummerċjali fir-reġjun.