Sunday, November 3, 2024

“Putin huwa kriminal tal-gwerra”

Aqra wkoll

Ir-reazzjoni tal-President Amerikan għall-atroċitajiet f’Bucha

Il-President Amerikan Joe Biden talab sabiex il-President Russu Vladimir Putin ikun akkużat bi krimini ta’ gwerra hekk kif l-evidenza qed turi li l-forzi Russi wettqu atroċitajiet fl-Ukrajna. Biden qal li Putin huwa “bniedem bla qalb” u żied jgħid li huwa jemmen li Putin huwa “kriminal tal-gwerra”. Dan kien irrappurtat mill-BBC.

Bħalissa qed tinħema rabja madwar id-dinja hekk kif allegatament għadd ta’ residenti fil-belt ta’ Bucha – belt viċin ħafna ta’ Kyiv — sfaw maqtula. L-amministrazzjoni Ukrena fetħet investigazzjoni hekk kif ġie magħruf li nstabu madwar 410 katavri fiż-żoni ta’ madwar Kyiv. 

Biden iddeskriva l-atti f’Bucha bħala “orribbli” u qal li huwa importanti illi Putin “jinżamm responsabbli” għall-atroċitajiet li wettaq. Barra minn hekk, Biden żied jesprimi l-intenzjonijiet tiegħu li jimponi iżjed sanzjonijiet fuq ir-Russja.

L-Amerika qalet li għandha rapporti ta’ min jorbot fuqhom illi l-forzi Russi huma responsabbli ta’ stupru, torturi u qtil.

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky ukoll akkuża lir-Russja bi krimini ta’ gwerra waqt indirizz tiegħu fuq il-midja soċjali lbieraħ filgħaxija, u ażva li Putin se jipprova jaħbi l-evidenza ta’ atroċitajiet oħra.

Sport