F’intervista li dehret fil-ktieb tal-President Russu Vladimir Putin First Person fis-sena 2000, Vera Gurevich (waħda mill-għalliema ta’ Putin) stqarret li “Meta Putin kellu 11-il sena nbidel f’ħakka t’għajn”. Hija għarfet li kien prepara numru ta’ għanijiet serji li xtaq iwettaq f’ħajtu. Rosaleen Fenton fl-artiklu tagħha tkompli ssaħħaħ dan l-argument billi tosserva li fl-età tenera ta’ 11-il sena huwa waqaf jissoċjalizza. Infatti, skont Fenton, filwaqt illi individwi oħra tamparu kienu jieħdu gost jattendu l-klassijiet taż-żfin, Putin kien jipprova jevita milli jagħmel dan għax “Ma kienx iħobb jissoċjalizza”, u għalhekk prefera jattendi l-klassijiet tal-judo erba’ darbiet fil-ġimgħa.
Sadanittant, ir-relazzjoni ta’ ħbiberija bejn Putin u l-għalliema tiegħu Gurevich kompliet tespandi tant li Gurevich saret qisha t-tieni omm għalih. Hija kienet tagħtih ħafna attenzjoni u kienet tiskuraġġih milli jibqa’ jagħmilha ma’ klikka ta’ ħbieb li jiġġerrew fit-toroq. Putin stess kien ammetta li meta kien għadu qed jitfarfar, ma baqax iġib ruħu sew, tant li jiddefinixxi lilu nnifsu bħala “hooligan”. Madanakollu, mill-esperjenza tagħha, Gurevich waslet għall-konklużjoni li “Putin huwa persuna tajba. Però qatt ma jaħfer lil min jittradih jew lil persuni li huma kattivi miegħu.”
Is-Segretarju għad-Difiża Ben Wallace, f’intervista ma’ BBC, stqarr li huwa evidenti li “Putin m’għadx fadallu l-poter jew l-influwenza li xi darba kellu”. Dan għaliex “Eżawrixxa l-armata tiegħu stess, huwa responsabbli għal eluf ta’ suldati Russi maqtula, responsabbli għall-imwiet ta’ persuni innoċenti u residenti maqtula fl-Ukrajna”. Barra minn hekk qed ikisser l-ekonomija Russa.