Wednesday, November 6, 2024

Putin iwissi lill-Ukrajna li l-invażjoni Russa bilkemm bdiet 

Aqra wkoll

Il-President Russu, Vladimir Putin, filwaqt li wissa li l-invażjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna bilkemm bdiet qal lill-Ukrajna biex taċċetta malajr termini ta’ paċi jew tħejji għall-agħar.

Waqt li kien qed ikellem lill-mexxejja parlamentari fis-sigħat li għaddew, huwa wkoll azzarda jisfida lill-pajjiżi tal-Punent biex jippruvaw jegħlbu lill-militar Russa fuq il-kamp tal-battalja.

F’diskors ta’ konfontazzjoni, Putin irrimarka li “l-Punent irid jiġġildilna sal-aħħar” u żied jgħid li din hija traġedja għall-poplu Ukren. 

Minkejja li s’issa, f’din il-gwerra nqatlu eluf ta’ nies u bosta mill-ibliet saru terrapien matul l-erba’ xhur ta’ kunflitt, Putin wissa li kulħadd għandu jkun jaf li fil-biċċa l-kbira tagħha r-Russja lanqas għadha bdiet.

Ir-Russja qed takkuża lill-pajjiżi tal-Punent illi qed jinqdew bl-Ukrajna biex jagħmlu gwerra kontriha billi jimmartellaw l-ekonomija tagħha b’sanzjonijiet u fl-istess ħin jagħtu armi avvanzati lill-Ukrajna.

Iżda filwaqt li ftaħar li r-Russja kienet għadha qed tidħol bil-pass tagħha fl-Ukrajna, Putin irrefera wkoll għall-possibbiltà ta’ negozjati. Qal li Moska għadha lesta toqgħod bilqiegħda madwar mejda għal taħditiet biex jintemm il-ġlied, u żied jgħid li “Dawk li jirrifjutaw li jagħmlu dan għandhom ikunu jafu li aktar ma jdumu ma jsiru negozjati iktar ikun diffiċli għalihom li jagħmlu ftehim magħna”.

Minn mindu invadew l-Ukrajna fl-24 ta’ Frar li għadda, il-forzi Russi qabbdu biċċiet kbar tal-pajjiż, inkluż bliet fir-reġjun tal-Lvant ta’ Luhansk li qabbdu nhar il-Ħadd li għadda. Iżda l-progress Russu fil-kamp tal-battalja kien ferm aktar bil-mod milli bassru ħafna analisti billi wkoll kien hemm drabi fejn ġew imressqa lura fl-ewwel tentattivi biex jieħdu l-kapitali Kyiv u t-tieni belt, Kharkiv.

Il-prospetti ta’ kompromess jidhru remoti hekk kif l-Ukrajna, imħeġġa mill-appoġġ tal-Punent u t-telf kbir li kkaġunat lill-avversarju tagħha kemm f’termini ta’ mwiet ta’ suldati kif ukoll il-qerda ta’ tagħmir militari, sosniet li se tkeċċi lir-Russja mit-territorju kollu li ħatfet.

In-negozjatur ewlieni tal-Ukrajna, Mykhailo Podolyak, qal fuq Twitter din il-ġimgħa li l-kundizzjonijiet tal-Ukrajna biex jerġgħu jibdew it-taħditiet jinkludu waqfien mill-ġlied, irtirar tat-truppi u r-ritorn ta’ ċittadini maħtufa, estradizzjoni ta’ kriminali tal-gwerra, mekkaniżmu tar-riparazzjonijiet kif ukoll ir-rikonoxximent tad-drittijiet sovrani tal-Ukrajna.

Moska mistennija tipprova eventwalment taqta’ lill-Ukrajna mill-kosta tagħha tal-Baħar l-Iswed sal-fruntiera mar-Rumanija. Jekk Putin jirnexxilu jagħmel dan ikun ta daqqa ta’ ħarta kbira lill-ekonomija Ukrajna u joħloq ukoll kuritur għar-reġjun separatista tal-Moldova tat-Transnistria li jospita bażi militari Russa.

Putin afferma mill-ġdid li l-Punent qed juża l-kunflitt fl-Ukrajna biex jipprova jiżola u jdgħajjef lir-Russja. Filwaqt li akkuża li s-sanzjonijiet tal-Punent kontra r-Russja naqsu milli jilħqu l-għan tagħhom li jiżirgħu l-firda u ġlied fis-soċjetà biex jiddemoralizzaw lill-poplu Russu, Putin sostna li l-kors tal-istorja huwa bla waqfien u t-tentattivi kollettivi mill-Punent biex jinforza l-verżjoni tiegħu tal-ordni globali huma kkundannati li jfallu.

Sport