Monday, November 25, 2024

Putin jgħid li d-dinja tista’ taffaċċja kriżi tal-ikel minħabba s-sanzjonijiet tal-Punent

Aqra wkoll

Il-President Russu Vladimir Putin qal li r-Russja se tkun qiegħda tosserva mill-qrib l-esportazzjoni tal-ikel lejn pajjiżi ostili lejha għaliex is-sanzjonijiet tal-Punent qed jikkawżaw kriżi globali tal-ikel u anke żieda sostanzjali fil-prezzijiet tal-enerġija. 

Is-sanzjonijiet qaw­wija li ġew imposti fuq ir-Russja wara li din bdiet invażjoni ġewwa l-Ukrajna qed iwasslu għall-agħar kriżi ekonomika li r-Russja esperjenzat mill-1991 ’il hawn. Iżda Moska qiegħda tisħaq li fl-aħħar mill-aħħar l-impatt globali tas-sanzjonijiet se jkun ħafna iktar sinjifikanti. 

Dwar dan Putin qal li ż-żieda sostanzjali fil-prezz tal-enerġija u n-nuqqas ta’ fertilizzant se jwasslu biex il-Punent ikollu jistampa iktar flus biex jixtri l-provvisti, u b’hekk dan iwassal għal tnaqqis fil-provvista tal-ikel fost il-pajjiżi fqar. Putin tenna li dan se jkollu impatt qawwi hekk kif dan jista’ jwassal għal mewġa kbira ta’ immigrazzjoni. 

Ir-Russja hija l-ikbar esportatur tal-qamħ fid-dinja u din tissuplixxi l-iktar lill-Afrika u l-Lvant Nofsani. Apparti hekk hija wkoll produttur ewlieni tal-fertilizzant li jintuża fil-produzzjoni tal-ikel. 

Ir-Russja tipproduċi 50 miljun tunellata ta’ fertilizzant fis-sena, li jfisser 13% tal-produzzjoni globali. Dwar dan kollu, il-ġimgħa li għaddiet l-alleati ta’ Putin kienu wissew li r-Russja tista’ tkun qiegħda tillimita l-esportazzjoni ta’ prodotti tal-agrikoltura lejn pajjiżi “ħbieb” biss.

Sport