Sunday, December 22, 2024

Putin jgħid lill-PM Indjan Modi li mhux se jattendi s-summit ta’ Delhi 

Aqra wkoll

Il-President Russu Vladimir Putin qal lill-Prim Ministru Indjan Narendra Modi li mhux se jattendi s-summit tal-G20 f’Delhi x-xahar id-dieħel. L-Indja se tkun qiegħda tospita dan is-summit, li se jsir bejn id-9 u l-10 ta’ Settembru. 

F’telefonata li kellu ma’ Modi, Putin informah li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Sergei Lavrov mistenni jattendi għas-summit f’ismu. Intqal ukoll li ż-żewġ mexxejja ddiskutew ukoll diversi “kwistjonijiet reġjonali u globali ta’ tħassib reċiproku.”

Il-ġimgħa li għaddiet, kelliem għall-Gvern Russu qal li Putin ma kienx se jattendi għas-summit peress li kellu “skeda impenjattiva”.

L-invażjoni Russa fl-Ukrajna mistennija titqajjem waqt id-diskussjonijiet li se jsiru fis-summit f’Delhi, fejn se jkunu preżenti mexxejja dinjin fosthom il-President Amerika Joe Biden u l-Prim Ministru Ingliż Rishi Sunak. 

Fi stqarrija li ħarġet it-Tnejn, l-Indja qalet li Modi “fehem id-deċiżjoni tar-Russja” u rringrazzjat lil Putin talli appoġġja l-inizjattivi ta’ Delhi waqt li qiegħda żżomm il-presidenza tal-G20. 

L-istqarrija tar-Russja ma semmietx l-assenza ta’ Putin fis-summit tal-G20 iżda qalet li ż-żewġ pajjiżi qablu li jikkollaboraw fil-kuntest tal-presidenza BRICS tar-Russja, li tibda fl-1 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla.

Ekonomija

Sport