Sunday, November 3, 2024

Putin jiddikjara rebħa f’Mariupol… l-Ukreni jgħidu mod ieħor

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat il-ġellieda Ukreni komplew jiddefendu l-aħħar żona tagħhom ġewwa l-belt ta’ Mariupol, u dan minkejja li l-President Russu Vladimir Putin iddikjara rebħa f’din l-ikbar battalja tal-gwerra. Putin qal li din il-belt port ġiet “illiberata” wara ġimgħat sħaħ ta’ bumbardamenti. 

Min-naħa tagħha iżda l-Istati Uniti kkontestat dak li qal Putin u stqarret li hija temmen li l-forzi Ukreni għadhom fil-kontroll. Fl-aħħar sigħat l-armata Russa iċċirkondat iż-żona industrijali kbira li hemm ġewwa Mariupol fejn is-suldati Ukreni qegħdin jagħmlu l-aħħar difiża wara li rrifjutaw l-ultimatum Russu biex iċedu. 

Min-naħa tagħhom l-Ukreni qalu li Putin ipprova jevita l-kunflitt finali minħabba li skonthom huwa jaf li m’għandux il-forza biex jegħlibhom ġewwa Mariupol. Fid-dawl ta’ dan kollu l-uffiċjali Ukreni ħarġu għadd ta’ appelli biex nies ċivili u suldati feruti jiġu evakwati. 

Waqt laqgħa ġewwa l-Kremlin, li kienet imxandra fuq it-televiżjoni, Putin feraħ lill-ministru tad-difiża Russu u lit-truppi tal-isforz tagħhom “biex jeħilsu lil Mariupol”. Putin qal li m’hemmx għalfejn li jidħlu ġewwa ż-żona industrijali fejn hemm l-impjant ta’ Azovstal. F’din iż-żona hemm konċentrazzjoni ta’ suldati Ukreni li għandhom għadd ta’ bunkers li huma kapaċi jirreżistru anke attakk nukleari. Fid-diskors tiegħu Putin qal li, “m’hemmx għalfejn nidħlu f’dawn il-katakombi u nitkaxru taħt l-art f’din iż-żona industrijali… imblukkaw din iż-żona industrijali biex lanqas dubbiena ma tgħaddi.”

Min-naħa tiegħu, il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li r-Russja qiegħda tagħmel dak kollu possibbli biex “titkellem ftit dwar xi rebħiet”. Zelensky qal li, “huma [ir-Russi] qed jipposponu l-inevitabbli  – iż-żmien meta l-invażuri jkollhom jitilqu mit-territorju tagħna, inkluż minn Mariupol, belt li tibqa’ tirreżisti lir-Russja minkejja dak li qed jgħidu l-okkupanti.”

Il-militar Britanniku qal li offensiva qawwija Russa fuq l-impjant ta’ Azovstal twassal biex ir-Russja ġġarrab telf kbir ta’ suldati, u għalhekk id-deċiżjoni ta’ Putin li jagħmel imblokk hija neċessarja biex ikun jista’ jutilizza iktar forzi fil-Lvant tal-Ukrajna. 

Sport