Sunday, May 11, 2025

Putin jipproponi taħditiet diretti mal-Ukrajna għall-paċi wara tliet snin ta’ gwerra

Aqra wkoll

Il-President Russu Vladimir Putin ippropona taħditiet diretti mal-Ukrajna nhar il-15 ta’ Mejju fil-belt ta’ Istanbul, fit-Turkija, li qal li għandhom ikunu mmirati biex iġibu l-paċi dejjiema u jeliminaw il-kawżi ewlenin tal-gwerra.

“Qed nipproponu li Kyiv terġa’ tibda n-negozjati diretti mingħajr ebda kundizzjonijiet minn qabel,” sostna Putin fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu. “Qed noffru lill-awtoritajiet ta’ Kyiv biex jerġgħu jibdew in-negozjati nhar il-Ħamis f’Istanbul.”

Minkejja l-pressjoni pubblika u privata mill-President tal-Istati Uniti Donald Trump u t-twissijiet differenti min-naħa ta’ pajjiżi Ewropej, Putin ftit li xejn offra konċessjonijiet biex jintemm dan il-kunflitt.

Putin qal ukoll li kien se jitkellem b’mod dirett mal-President Tork Recep Tayyip Erdogan biex ikunu faċilitati dawn it-taħditiet, li fi kliemu jistgħu jwasslu għall-waqfien mill-ġlied. Min-naħa tagħha, Kyiv ma rrispondietx mill-ewwel għal din il-proposta. 

Sadanittant, is-Sibt li għadda, il-Kanċillier Ġermaniż Friedrich Merz, il-President Franċiż Emmanuel Macron, il-Prim Ministru Ingliż Keir Stermer u l-Prim Ministru tal-Polonja Donald Tusk iltaqgħu mal-President Ukren Volodymyr Zelensky fi Kyiv. 

F’konferenza tal-aħbarijiet, huma wissew li jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet ġodda fuq is-setturi tal-enerġija u tal-banek tar-Russja jekk Putin ma jaqbilx mal-waqfien mill-ġlied ta’ 30 jum “kemm fl-ajru, fuq l-art u anke fuq il-baħar.”

Huma qalu wkoll li ddiskutew din il-proposta ma’ Donald Trump. Aktar tard, Starmer qal lill-BBC li l-President tal-Istati Uniti kien “assolutament ċar” li s-suġġeriment tagħhom għall-waqfien immedjat mill-ġdid kienet talba li kellha tintlaqa’. 

Wara l-laqgħa, Zelensky rringrazzja lill-mexxejja talli qegħdin jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Ukrajna. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport