Thursday, December 19, 2024

“Putin se jħallas prezz qares” – Il-mexxejja tad-dinja jirreaġixxu

Aqra wkoll

Sa minn kmieni dalgħodu, fuq il-midja internazzjonali l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna bdiet tingħata prominenza kbira.

Fid-dawl ta’ dan kollu, fl-aħħar sigħat bosta mexxejja tad-dinja rreaġixxew, fosthom il-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz li qal li żamm mal-alleati tiegħu fil-Lvant tal-Ewropa, u qal li Putin se jħallas prezz qares għall-“iżball serju” tiegħu.

Għadd ta’ nazzjonijiet ewlenin tal-Punent irreaġixxew b’rabja għall-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna, u akkużaw li tali invażjoni ġabet il-gwerra lura fl-Ewropa.

Il-President Amerikan Joe Biden beża’ minn telf ta’ ħajjiet b’mod katastrofiku u qal li l-alleati se jimponu sanzjonijiet ħorox. Biden qal: “Il-President Putin għażel gwerra premeditata li se ġġib telf katastrofiku ta’ ħajja u tbatija umana.”

L-Ukrajna tgħid li r-Russja qed twettaq attakk fuq skala sħiħa minn bosta direzzjonijiet, iżda d-dettalji tal-attakk u n-numru ta’ vittmi għadhom mhumiex ċari.

Il-President Franċiż Emmanuel Macron qal li dan kien “punt ta’ bidla fl-istorja tal-Ewropa” u esprima s-solidarjetà lejn il-poplu Ukren. Din kienet espressa wkoll minn bosta awtoritajiet, inkluż il-Prim Ministru Taljan Mario Draghi, li sejjaħ l-attakk tar-Russja bħala “mhux ġustifikat u mhux ġustifikabbli”.

Intant, aktar qabel il-Kap tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li Putin kien “responsabbli biex iġib il-gwerra lura fl-Ewropa”. 

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qal li Putin “għażel triq ta’ tixrid ta’ demm u qerda” b’attakk mhux ipprovokat.

Ekonomija

Sport