Saturday, November 23, 2024

Puttinu: “Itolbu għaliha”; Għandha sena u 4 xhur u għada se tagħmel operazzjoni biex ineħħulha tumur

Aqra wkoll

Minn MARIA AZZOPARDI

Iċ-ċkejkna Emily għandha sena u erba’ xhur u ilha tieħu l-kura għal dawn l-aħħar erba’ xhur. Illum se tidħol l-Isptar bħala preparazzjoni tal-operazzjoni importanti li se ssir għada biex ineħħulha tumur.

Iz-zija tagħha Claire Gatt qalet lil inewsmalta.com li Emily għamlet xahar l-Isptar ta’ Malta u fi Frar telgħet tkompli l-kura ġewwa Sutton l-Ingilterra. Hija ddeskrivita bħala tifla ferriħija għax minkejja t-tbatija li għaddejja minnu dejjem bid-daħka fuq xuftejha.

Omm Emily, Vanessa Gatt, ħabret fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook li l-operazzjoni ta’ Emily fl-aħħar waslet. “M’għandiex dubju li dejjem fit-talb tagħkom kollha imma din il-ġimgħa aħsbu daqsxejn fiha u fit-tobba ħalli l-Bambin ikun magħhom ukoll,” qalet Vanessa.

Il-kuġina ta’ Emily ukoll kitbet messaġġ fuq Facebook biex il-Bambin jibqa’ magħha. “Kuġina ejja biex nerġa’ narak b’saħħtek u ngħannqek waħda miegħi,” qalet il-kuġina tagħha.

Intant, fuq il-paġna ta’ Puttinu Cares huma appellaw biex kull wieħed u waħda minna jżomm liċ-ċkejkna Emily fit-talb tiegħu.

Sport