Monday, March 16, 2026

“Qabad tablet u taha daqqa bih fuq rasha”

Jingħata sentenza sospiża wara li ammetta li darab lil martu

Aqra wkoll

Raġel ta’ 40 sena li weġġa’ ħafif lil martu wara li taha daqqa ta’ tablet fuq rasha waqt argument li nqala’ bejniethom kien ikkundannat sentenza sospiża.

Ir-raġel tressaq fil-Qorti fejn ammetta l-akkużi miġjuba kontrih li kienu jinkludu li ħebb għal martu, li kkaġunalha ġrieħi ta’ natura ħafifa u li inġurjaha u heddidha.  

Kien il-Ġimgħa li għadda, meta l-Pulizija mit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika kienu infurmati li mara ddaħħlet l-Isptar Mater Dei u kienet qiegħda tiġi invistata minn tabib.

Il-Pulizija kienu tkellmu mal-vittma u qaltilhom li xtaqet tagħmel rapport kontra żewġha. Hija kienet qalet li dakinhar stess, huma marru jieklu f’ristorant. Tgħid li għalkemm ma xtaqitx tmur, hi xorta waħda marret. Dan għaliex skontha “l-imputat kien joqgħod jiċċaċċra mal-waitresses.”

Il-vittma kienet qalet li xħin marru biex iħallsu nqala’ argument bejniethom dwar xi tips u ċirkostanzi oħra. Żiedet li meta waslu d-dar, l-imputat allegatament beda jheddidha biex ma tqabbiżhilux u tħallih bi kwietu. Tgħid li kien f’dan il-mument meta żewġha allegatament qabad tablet u taha daqqa bih fuq rasha u telaq ’il barra mir-residenza.

Il-prosekuzzjoni spjegat fil-Qorti li fir-rapport tagħha, il-vittma kienet allegat ukoll li f’ħin minnhom, l-imputat kien qabadha minn għonqha iżda huwa nnega dan. Huwa kien ammetta biss l-inċident fejn intuża t-tablet. 

Fil-Qorti nstema’ wkoll kif il-koppja ilhom jafu lil xulxin madwar 25 sena. B’danakollu issa ilhom xi xhur separati, għalkemm għadhom qed jgħixu fl-istess residenza. 

L-imputat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bil-Qorti tikkundannah sena ħabs sospiżi għal sentejn. 

Il-Qorti imponiet obbligazzjoni fuq l-imputat biex iżomm il-buon ordni bejniethom kif ukoll meta jkunu man-nies.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport