Sunday, November 3, 2024

Qabda ta’ kważi żewġ tunellati droga methamphetamine fl-Awstralja

Aqra wkoll

Kważi żewġ tunellati ta’ droga methamphetamine ġew ikkonfiskati mill-pulizija Awstraljana – l-ikbar qabda ta’ droga l-istorja ta’ dan il-pajjiż. 

Il-pulizija sabu xejn inqas minn 1,800kg ta’ dak li lokalment huwa magħruf bħala “ice” ġewwa kontejners fil-port ta’ Sydney. Din id-droga – li kienet moħbija ġewwa rħam f’kontejner –  huwa stmat li għandha valur fit-triq ta’ A$1.6 biljun. B’rabta ma’ dan il-każ, tliet irġiel qegħdin jiġu investigati hekk kif dawn allegatament importaw id-droga mil-Lvant Nofsani. L-awtoritajiet tal-pajjiż jemmnu li dawn it-tlett irġiel huma parti minn grupp ħafna ikbar li għandu konnessjonijiet internazzjonali. 

Kelliemi għall-Pulizija ta’ New South Wales qal li l-grupp wara dan l-attentat ta’ traffikar huwa wieħed “sofistikat” iżda tenna li l-uffiċjali ma jistgħux jemm­nu kif dan il-grupp kellu “l-ardir” li jimporta dan l-ammont hekk kbir u ħaseb li mhux se jinqabad.

Fil-preżent l-Awstralja qiegħda tiffaċċja problema kbira bit-traffikar tad-droga methamphetamine tant li l-awtoritajiet qed jirreferu għaliha bħala “ice epidemic”. L-awtoritajiet tal-pajjiż qalu li din id-droga qiegħda twassal biex ħafna persuni jispiċċaw dipendenti fuqha u b’hekk dan qiegħed iwassal għal f’delitti vjolenti u problemi mentali. 

L-Awtralja għandha l-ikbar rata fid-dinja ta’ persuni li xi darba f’ħajjithom abbużaw mill-methamphetamine, fejn huwa kkalkulat li 6% tal-Awstraljani – 1.2 miljun persuna – xi darba f’ħajjithom ħadu din id-droga. 

Sport