“Jekk qabel meta konna tfal aħna konna niltaqgħu mal-ħbieb tagħna fuq pjazza, illum dawn qegħdin jiltaqgħu fuq l-internet. Pjattaformi varji minn Facebook għal Instagram għal TikTok fost l-oħrajn u hemmhekk ikunu qegħdin jitkellmu u jinteraġixxu bejniethom”. Iddikjara dan ma’ Talk.mt l-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba meta mitlub jikkummenta dwar id-diskors tiegħu fl-aħħar jiem dwar il-pjaga li jgħaddu minnha ħafna u ħafna tfal u żgħażagh; dik tal-bullying li jsir online.
Fost l-oħrajn huwa appella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tiġi varata strateġija Ewropea kontra l-online bullying mill-aktar fis possibli. Huwa sostna fil-Parlament Ewropew li ma jistax ikun li jibqa’ jkollna aktar tfal li jħossuhom imwarrba u inferjuri, tfal li jirrifjutaw li jmorru l-iskola u saħansitra tfal li qed ikollhom ħsibijiet suwiċidali minħabba bullying kontinwu.
Ma’ dan is-sit Agius Saliba fakkar kif il-pandemija kompliet tittrasforma d-dinja tal-minorenni u ż-żgħażagħ u l-komunikazzjoni ta’ bejniethom. Dan hekk kif minkejja li pajjiżna kien minn ta’ quddiem li ħareġ mill-pandemija, il-ġenerazzjoni l-ġdida saret dipendenti fuq dawn il-pjattaformi li qed jamplifikaw il-bullying b’soċjetà li fiha faċilment tiġi mħaġġar.
“Li tesponi ruħek għall-ħajja pubblika, minn politika, għal divertiment għat-televiżjoni, ovjament se tkun naturali li wieħed ikun aktar suxxettibbli għal ċertu kummenti”, kompla biex jispjega magħna l-Ewroparlamentari.
Fid-dawl ta’ dan kollu huwa saħaq li hawn bżonn aktar edukazzjoni dwar l-effetti fuq is-saħħa mentali li ċertu diskors, anke kif rajna fl-aħħar jiem, jista’ jħalli fuq il-ħajja tal-persuna. Huwa rrefera b’mod partikolari għall-programm fuq ix-xandir nazzjonali ‘Love Island’ u l-pataflun ta’ kummenti li saru sa mill-ewwel ġurnata li bdew jiġu żvelati l-ewwel kontestanti. Mill-ġdid huwa nnota l-fatt li l-pubbliċità tagħmlek forsi aktar suxxettibbli għal ċertu kummenti, iżda min-naħa tiegħu kkundanna l-fatt li kummenti minnhom jispiċċaw iħaġġru lil dak li jkun b’min jiktibhom forsi ftit li xejn jirrealizza dwar il-ħsara li jista’ jkun qiegħed jikkawża fuq il-persuna inkwistjoni.