Saturday, October 26, 2024

Qabża diġitali f’sena ta’ sfidi… Intervista mal-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta, Anton Sevasta

Aqra wkoll

Disa’ xhur id-dinja ntlaqtet mill-pandemija. Kif laqtet l-operat t’Identity Malta? 

Mill-bidu nett tal-pandemija, Identity Malta pprovat taġevola lill-pubbliku bl-aħjar mod u mingħajr ebda intopp jew skossi. Tant hu hekk li fl-ebda ħin m’għalaqna l-bibien tagħna. Irnexxielna nibqgħu għaddejjin grazzi għall-ħaddiema tagħna u għaliex ħadna approċċ prattiku u flessibbli. Iżda fuq kollox għaliex konna sensittivi għall-bżonnijiet tan-nies. Eżempju ta’ dan, konna kompassjonali ma’ dawk il-koppji li sal-lum qed ikollhom jipposponu d-data taż-żwieġ tagħhom billi mhux nitolbuhom ħlas addizzjonali meta jirreġistraw id-data l-ġdida, u għamilniha possibbli li r-reġistrazzjoni tal-wild ta’ tarbija jew il-mewt ta’ persuna ssir bil-posta jew online. 

Id-deċiżjoni li mmorru online ma kinitx sforz il-pandemija – għalkemm ħaffet il-proċess – imma l-pjan kien diġà hemm, id-diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali kienu saru u l-infrastruttura tal-IT kienet f’postha. Fejn kien possibbli, qlibna diġitali minnufih. Nidejna pjattaforma li permezz tagħha ffaċilitajna u ħaffifna l-proċess ta’ sottomissjoni t’applikazzjoni għall-permess ta’ residenza u xogħol. B’hekk, l-applikazzjonijiet qed jiġu pproċessata f’inqas ħin u b’inqas skariġġ, mingħajr ma ġew mittiefsa l-kontrolli ta’ sigurtà. B’riżultat t’hekk, l-iffullar barra l-uffiċini t’Identity Malta spiċċa u l-applikant qiegħed jinqeda aħjar b’sistema t’appuntamenti. 

Semmejt ir-Reġistru Pubbliku jew aħjar l-Insinwa. Kif adatta l-uffiċċju għall-avvanzi tal-lum? 

Illum in-notifika tat-twelid jew mewt tista’ ssir online u ġaladarba n-notifika tkun kompluta, iċ-ċertifikat ikun jista’ jiġi ordnat online mis-sit ċertifikati.gov.mt u jintbagħat id-dar bil-posta. Dawn iż-żewġ servizzi ta’ notifika jiġu pprovduti wkoll minn uffiċċju tagħna fl-Isptar Mater Dei li jipproċessa mat-80% tat-twelid u 45% tal-imwiet kollha f’Malta. Apparti dan, persuni li jaħdmu f’residenzi tal-anzjani ġew imħarrġa biex jagħmlu notifiki ta’ mewt mill-istess residenza u dan mingħajr il-bżonn li persuna tmur fl-uffiċini ta’ Identity Malta.

Minbarra hekk, appik li jidħlu l-emendi legali li se jagħmluha possibbli li l-koppji jkollhom firxa t’għażliet ikbar meta jiġu biex jagħżlu l-kunjom il-ġdid. Il-konjuġi se jkunu jistgħu jżommu kunjomhom, iwaqqgħu tagħhom u jieħdu tal-parti l-oħra jew inkella jgħaqqdu t-tnejn f’liema ordni li jridu. Madanakollu, jridu jaqblu fuq il-kunjom li se jgħaddu lil uliedhom. Tajjeb li ngħidu li dawk il-koppji diġà miżżewġa se jkollhom l-opportunità li jbidlu kunjomhom ukoll. 

Quddiem it-theddida globali tas-serq tal-identità u l-iffalsifikar tad-dokumenti, qed jinħass iktar il-bżonn li d-dokumenti t’identifikazzjoni jkunu aktar sikuri. Kif Identity Malta qed tipproteġi l-identità tal-persuna?

Fejn tidħol il-ħarsien tal-identità tal-persuna, Identity Malta mit-twaqqif tagħha kienet pro-attiva. Wara l-introduzzjoni tal-passaport Malti ġdid, li aktar kmieni din is-sena rebaħ il-premju prestiġġjuż għall-aqwa passaport fir-reġjun, kien imiss li nkomplu nsaħħu d-dokument ewlieni t’identifikazzjoni tal-Maltin, jiġifieri l-karta tal-identità. 

Il-Karta tal-Identità ssaħħet b’bosta karatteristiċi ta’ sigurtà ġodda li huma maħsuba biex primarjament tkun imħarsa l-identità tal-persuna. Id-dokument il-ġdida hu magħmul minn polycarbonate substrate, materjal sigur ħafna, fejn id-dettalji tad-detentur huma laser engraved, bl-abjad u l-iswed, u li jagħmilha aktar diffiċli biex l-informazzjoni tiġi ffalsifikata jew imbagħbsa mingħajr ma titħalla traċċa ovvja. Element ieħor ġdid il-karta tal-identità hija contactless u d-data maħżuna fuqha tista’ tiġi aċċessata biss bl-użu tal-Card Access Number li hu stampat fuq quddiem tal-karta jew maħżun fil-QR code fuq wara. 

Il-bidla qed issir b’mod gradwali meta tmur biex tbiddel jew iġġedded il-karta tal-identità tiegħek. Ma ħassejniex il-bżonn li nagħmlu mass roll-out għaliex il-karta tal-identità fiċ-ċirkulazzjoni hi diġà sigura minnha nfisha u dik ġdida se tkompli tibni fuqha fejn tidħol sigurtà. 

Dan kollu jinkwadra tajjeb fl-istrateġija diġitali tal-Gvern għaliex permezz tal-karta tal-identità tiegħu, id-detentur jista’ jibda jiffirma dokumenti b’mod diġitali kif ukoll jaċċessa u jivverifika l-awtentiċità tiegħu meta jagħmel użu min-numru ta’ servizzi governattivi online.

X’inhuma l-pjanijiet t’Identity Malta għas-sena d-dieħla?

L-istrateġija t’Identity Malta tibqa’ dik li mmorru diġitali kemm jista’ jkun u paperless fl-operat tagħna. Minkejja l-impatt globali, l-UE qed tbassar li sa kmieni s-sena d-dieħla, l-ekonomija Maltija mistennija li terġa’ tibda tingrana sew. Fid-dawl ta’ dan, Identity Malta qed tħejji biex ġaladarba jibda l-irkupru ekonomiku nkunu f’pożizzjoni aħjar biex nilqgħu għad-domanda tas-suq tax-xogħol. Wara r-rispons pożittiv għall-online tas-single permit, se nkunu qed inwessgħu aktar din il-pjattaforma diġitali sabiex tkun tista’ tilqa’ applikazzjonijiet oħra, inkluż ta’ ċittadini Ewropej. Minbarra hekk, se nkomplu naraw li l-permessi li joħorġu verament jirriflettu l-esiġenzi tas-suq tax-xogħol. 

Minbarra t-tisħiħ operattiv, Identity Malta tisħaq fuq l-importanza li toffri servizz ta’ kwalità. Wara li t-taqsima tal-Espatrijati u dik tal-Viża imxew fil-binja ġdida tal-Imsida u mingħajr ebda ntopp, issa jmiss li fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla l-Uffiċċju tal-Passaporti u r-Reġistru Pubbliku joħorġu ‘l barra minn Evans Building għall-binja aktar moderna u adattata fil-Marsa u li faċilment tista’ tintlaħaq bit-trasport pubbliku. Minbarra hekk, l-Aġenzija se tkun qed tkompli testendi s-servizzi tagħha fil-komunità, b’aktar servizzi f’Għawdex. 

Finalment, Identity Malta trid twassal servizz pubbliku tal-ogħla kwalità fid-djar tan-nies. Identity Malta hija kommessa li tipprovdi servizz effiċjenti u b’wiċċ uman. B’hekk l-Aġenzija tkun f’pożizzjoni aħjar li tilqa’ għad-domanda tas-suq u tkun tista’ taqdi l-bżonnijiet tal-pubbliku bl-aħjar mod possibb-li.

Sport