Friday, January 24, 2025

QABŻA KULTURALI

Aqra wkoll

B’mod regolari qegħdin naraw jittellgħu f’pajjiżna avvenimenti kulturali ta’ kull tip. Qegħdin jispikkaw ukoll inizjattivi innovattivi għall-aħħar. Qed naraw għaqdiet mużikali, għaqdiet kulturali oħra u oħrajn jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja. Għajnuna li hi importanti ħafna biex dawn l-għaqdiet jibqgħu għaddejjin u jsaħħu x-xogħol kulturali li jsir.

M’hemmx dubju li f’dawn l-aħħar snin, bil-ħidma li saret is-settur kulturali ħa spinta sew ‘l fuq.

Illum il-ġurnata nistgħu ngħidu li dan is-settur għamel qabża kbira fil-kwalità. Qed naraw aktar avvenimenti kulturali li qed jitellgħu b’mod professjonali għall-aħħar li jħabbtuha sew ma’ avvenimenti li jittellgħu f’pajjiżi oħra. Imma mhux l-organizazzjoni biss. Illum saret komuni, fejn qabel kienet okkażjoni rari, li naraw ismijiet internazzjonali rinomati – f’kull qasam kulturali – jpaxxu l-udjenza Maltija, tant li dawn l-avvenimenti saru parti integrali mill-kalendarju kulturali Malti u mistennija ferm mill-Maltin. Ix-xogħol qed ikompli għaddej biex dak miksub ikompli jissaħħaħ. Iva, l-kwalità fil-qasam kulturali għamlet passi ta’ ġgant ‘l quddiem bil-ħidma li qed issir minn dan il-Ministeru.

Il-kwalità u l-professjoni iġġib l-udjenzi. U hekk qed jiġri wkoll f’dan il-qasam. Ix-xhur tas-sajf li għadda kienu mimlijin attivitajiet li gibdu l-folol. U hawn wieħed irid ikoll ifaħħar l-inizjattiva li ma jħallix l-udjenza tirrikorri hi biss għall-avvenimenti li jsiru – imma qed jagħmel il-kultura aktar aċċessibbli għall-udjenzi tagħna. Qed jieħu l-kultura f’nofs l-udjenzi.

L-aċċessebilità m’hix hekk biss. Hija wkoll l-innovazzjoni biex trawwem aktar interess fil-kultura u l-patrimonju Malti.

Xi ħaġa oħra li dejjem richer li qiegħda tissoda f’dan is-settur hija dik mibnija fuq il-karrieri u l-professjonaliżmu f’dan il-qasam. Il-Ministeru qed ikompli għaddej ukoll biex jagħti opportunitajiet lill-artist Malti ħalli jkompli jkabbar il-professjonalità fit-talent tiegħu. Imma wkoll dan il-qasam qed jixpruna aktar karrieri. Aktar opportunitajiet għal dawk li għandhom għal qalbhom il-wirt storiku, l-artistrija u l-kultura komuni. U bir-raġun meta tara l-mod serju ta’ kif qed jitmexxa dan is-settur.

Fil-fatt tajjeb li nosservaw ukoll li dan is-settur qed ikompli jitla’ ‘l fuq f’dak li huwa kontribut għall-ekonomija Maltija. L-investiment kontinwu li qed isir f’dan il-qasam, anki fl-artisti stess qed iwassal biex tkompli tiżded il-professjonalità fis-settur kulturali li jwassal ukoll biex is-settur kulturali jkompli jikkontribwixxi dejjem aktar għall-ekonomija tal-pajjiż. Iva l-qasam kulturali qed jgħin sew fit-tkabbir ekonomiku.

Meta tqabbel is-sitwazzjoni tal-lum ma’ dik ta’ ftit snin ilu, tara qabża f’dan is-settur. U dan qed jinħass sew u tista’ tarah b’għajnejk. Huwa għalhekk li l-gvern, permezz tal-Ministeru għall-Kultura, qed ikompli jsaħħaħ b’kull mod possibbli l-investiment, il-professjonalità u wkoll l-aċċessibiltà f’dan is-settur. Investiment li qiegħed jagħti lura l-frott, mhux biss fil-kwalità, imma wkoll riżultat ta’ dan, qed naraw is-settur parteċipi sew fl-andament ekonomiku tagħna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport