Thursday, March 12, 2026

Qafas legali ġdid li se jagħti ċ-ċans lil żgħażagħ sa minn 16-il sena jiftħu kumpanija permezz ta’ sistema responsabbli u regolata

Aqra wkoll

Waqt avveniment imtella’ ġewwa l-Kulleġġ Ġ.F. Abela Junior College, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar pass importanti li jsaħħaħ il-fiduċja tal-Gvern fil-potenzjal taż-żgħażagħ Maltin permezz ta’ qafas legali ġdid li jippermetti lil żgħażagħ minn 16-il sena ’l fuq jibdew kumpanija tagħhom b’sistema regolata u responsabbli.
Kif kien imħabbar fil-Budget għal din is-sena, it-twettiq ta’ din il-miżura, hekk imsejħa Youth Enterprise, se tkun qed tiftaħ opportunitajiet ġodda għal żgħażagħ li għandhom ideat u spirtu imprenditorjali.
Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li din l-inizjattiva twieldet minn esperjenzi reali, fejn żgħażagħ li jibdew proġetti imprenditorjali kien qed ikollhom jieqfu minħabba limitazzjonijiet legali qabel jagħlqu 18-il sena. Dr Abela qal li bil-qafas legali l-ġdid, dan l-ostaklu issa mhux biss ġie indirizzat, imma ġiet ukoll żviluppata struttura serja, sigura u responsabbli biex tassisti bl-aħjar mod possibbli lil dawn iż-żgħażagħ b’assistenza mill-Malta Business Registry, l-Aġenzija Żgħażagħ, u JA Malta.
Il-Prim Ministru nnota li Malta issa hija minn tal-ewwel fl-Ewropa li qed toffri din l-opportunità liż-żgħażagħ. Dr Abela nnota kif matul is-snin dan il-Gvern, b’mod konsistenti, investa fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, saħħaħ l-opportunitajiet f’oqsma ġodda tal-ekonomija u ħoloq ekonomija b’saħħitha li toffri impjiegi ta’ kwalità, karrieri ahjar u prospetti konkreti għal futur dejjem ahjar.
Il-Prim Ministru fakkar kif bl-introduzzjoni tal-Vot 16 pajjiżna kien ukoll fost l-ewwel fl-Unjoni Ewropea li ta’ din l-opportunità liż-żgħażagħ. Huwa kompla jgħid li llum żgħażagħ minn 16-il sena ’l fuq għandhom ukoll l-opportunità jservu ta’ Sindki jew Viċi Sindki tal-lokalità li jikkontestaw fiha. “Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna waqqafna Kabinett taż-Żgħażagħ, il-Youth Advisory Forum. Kabinett li fih qed jiġu diskussi temi, proposti, ideat u inizjattivi li mhux biss jagħmlu sens fuq il-karta, imma li qed iwasslu għal impatt konkret”, qal Dr Abela.
Huwa nnota kif il-Youth Enterprise hija riflessjoni ċara tat-tip ta’ pajjiż li rridu nibnu permezz tal-Viżjoni Malta 2050. Pajjiż modern, b’aktar innovazzjoni, aktar parteċipazzjoni u aktar fiduċja fil-ġenerazzjoni li se tmexxi lill-pajjiż fis-snin li ġejjin.
“Iż-żgħażagħ huma wieħed mill-aktar elementi importanti fis-soċjetà tagħna. Iż-żgħażagħ jġibu magħhom enerġija, determinazzjoni, ideat ġodda, viżjoni ġdida. Huma kapaċi jmexxu lil dan il-pajjiż ’il quddiem. U għalhekk huwa kruċjali li nagħtuhom spazju ewlieni biex ikunu ta’ kontribut fit-tfassil tal-futur politiku, soċjali kif ukoll ekonomiku ta’ pajjiżna”, temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri saħaq li ż-żgħażagħ tagħna dejjem għandhom isibu l-appoġġ meħtieġ biex iwettqu dak li joħolmu. “B’Intrapriża16, mhux biss qed nuru li nemmnu fl-ideat tagħhom, iżda qed nagħtuhom iċ-ċavetta biex jegħlbu l-biża’ mill-falliment u jibnu negozji b’saħħithom. B’hekk qed niftħu bibien ġodda, u nippreparaw mil-lum stess lil dawk li se jkunu l-mutur tal-ekonomija ta’ pajjiżna għada”, sostna l-Ministru Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti qal li L-Intrapriża 16 mhijiex sempliċiment bidla fil-liġi, iżda dikjarazzjoni ċara ta’ fiduċja f’ġenerazzjoni ġdida ta’ intraprendituri li huma l-mutur preżenti ta’ Malta. “Permezz ta’ dan il-qafas legali u l-appoġġ professjonali ta’ Aġenzija Żgħażagħ, qed nagħtu liż-żgħażagħ tagħna l-għodda biex jibdlu l-ideat tagħhom f’realtà b’responsabbiltà, integrità u kuraġġ”, qal is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport