Il-Ħadd, 18 ta’ Mejju, ġurnata b’temp mill-isbaħ matul l-istaġun tar-Rebbiegħa, fi Pjazza San Pietru u San Pawl in-Nadur sar għall-ewwel darba avveniment li ffoka fuq il-frawli lokali magħrufa għall-kwalitajiet eċċezzjonali mill-gżejjer Maltin li offrew esperjenza unika li tgħaqqad il-prodott lokali mal-kultura u d-divertiment għal dawk kollha li attendew għall-attività “Qalb il-Frawli”. Avveniment li beda fl-10,00 a.m. u baqa’ għaddej sas-6.00 ta’ filgħaxija. Kienet ġurnata fejn il-familji flimkien setgħu jqattgħu ġurnata sabiħa.

Fil-bidu ta’ dan l-avveniment f’nofs din il-pjazza kien hemm roly poly twil tmien metri magħmul apposta u mżejjen bil-frawli għal din l-attività, li nbigħ kollu fl-ewwel 25 minuta. Dawk kollha li attendew għal festa “Qalb il-Frawli” setgħu jduqu jew jixtru l-aqwa frawli frisk, kollu mkabbar lokalment, direttament mill-qalba taż-żewġ gżejjer Maltin, kif ukoll ikel, ħlewwiet u xorb magħmula mill-frawli.

Permess tal-palk ħdejn il-taraġ tal-bażilika kien hemm divertiment kontinwu ta’ mużika live u wirjiet b’kant u żfin matul il-ġurnata kollha. Kienet attività sabiħa u kulturali għall-komunità Għawdxija filwaqt li ħalliet memorji sbieħ, speċjalment fost it-tfal li dehru jieħdu gost b’dak kollu li joffri Għawdex u fl-istess ħin tingħata spinta lill-bdiewa u lill-prodotti tagħna.

Dan hu avveniment ġdid għall-gżira Għawdxija u ġie organizzat mill-Għaqda Armar, Triq San Ġwann Nadur, bl-għajnuna mid-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar. Mal-folla preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.