Fl-aħħar diskors tiegħu bħala Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni, David Darmanin irringrazzja lil kull shop steward li ta s-sehem tiegħu f’din it-taqsima, u anke lill-amministrazzjoni ċentrali u l-grupp tas-Segretarji li dejjem sabhom ta’ spalla.
Huwa stqarr li l-Ftehim Kollettiv tal-ST Microelectronics ġab miegħu sfidi kbar, b’diskussjonijiet li ħadu fit-tul, iżda fl-aħħar mill-aħħar, irnexxielhom iġibu l-aqwa pakkett possibbli għall-ħaddiema.
Darmanin qal li sfortunatament fl-aħħar sentejn tilfu żewġ kumpaniji għax għalqu l-bibien tagħhom – l-MPE u Carlo Gavazzi. Qal li l-unjin kienet hemm għall-ħaddiema milquta mill-ewwel minuta u daħlet f’negozjati biex jinġieb pakkett ta’ terminazzjoni diċenti. Barra minn hekk, għamlu minn kollox biex isibu xogħol alternattiv lil kull ħaddiem involut.
Min-naħa l-oħra, huwa nnota li f’diversi kumpaniji ngħalqu serje ta’ Ftehimi Kollettivi li fihom kien hem titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, minbarra ż-żidiet fil-pagi.
Huwa temm billi awgura lil Jason Gatt, li issa huwa s-Segretarju l-ġdid tat-Taqsima, biex ma jaqtax qalbu u jibqa’ jiġġieled għad-drittijiet tal-ħaddiema. “Għalkemm ser nispiċċa, qalbi tibqa’ hawn fejn trabbejt u kbirt, fejn tajt saħħti għal dak li nemmen fih, fejn sibt il-valuri veru tas-solidarjetà. Ċert li l-union se tkompli tissaħħaħ,” temm jgħid Darmanin.

