Thursday, November 14, 2024

“Qalbi tinqasam ma’ dawk morda bil-Covid-19 …domt 180 ġurnata nbati mis-sintomi”

Aqra wkoll

Minn Victor Vella

“Qalbi tinqasam ma’ kull min qed jimrad bil-virus tal-Covid-19.  Jien domt 180 ġurnata sakemm battew is-sintomi tal-Covid-19. Anki jekk tkun fortunat u ma jkollkomx sintomi għat-tul kif kelli jien, dawk infettati xorta waħda iridu jegħlbu dik il-biża li dan il-virus qed joħloq. Il-biża’ li ma tafx x’se jiġri. Minbarra l-biża’, l-imxija tista’ tkun agħar u dan għax huma jispiċċaw l-isptar u anke jispiċċaw imutu. Tista’ tgħin tnaqqas il-firxa billi taħslu idejkom, iżżommu d-distanzi soċjali, tilbsu l-maskri. Ninkoraġixxi lil kulħadd isegwi dawn l-istruzzjonijiet. Nifhem l-inkonvenjenzi li dan joħloq.  Dan hu dak li nistgħu nagħmlu aħna biex inżommu l-firxa tal-virus.  Minn dak li għaddejt minnu jien u familti, llum aħna nsegwu dawn l-istruzzjonijiet. Aħjar uff mill-aħħ. Aħjar inkonvenjenza milli tispiċċa titlef seba’ xhur minn ħajtek jew agħar titlef ħajtek.  Hi frustranti li tara nies ma jobdux fejn jidħol l-ilbies tal-maskri u dan minkejja li l-mortalità mill-virus hi qawwija. Grazzi għall-ġurnalisti bħalkom, illum in-nies qed ikunu aktar infurmati u dejjem aktar qed isegwu l-istruzzjonijiet”.

Dan iddikjaratu ma’ Inewsmalta, Sarah A. McClune, li tgħix f’Nashville, Tennessee fl-Istati Uniti u li ilha xhur sħaħ tbati mis-sintomi tal-Covid-19. Titkellem b’mod ċar ħafna dwar l-esperjenza li għaddiet minnha, biex tiftaħ għajnejn dawk li qed jiġu jaqgħu u jqumu mir-regolamenti u fuq kollox tinforma lil dawk f’pajjiżna dwar effetti fit-tul mill-Covid-19.

“Sintomi li ħadd ma kien jaf kif se nikkurahom”

“Wara seba’ xhur fl-aħħar jiem nista’ ngħid li qed nerġa’ nħoss saħħti fl-istess livell qabel il-Covid-19. Għamilt 217-il jum wara li kont pożittiva, fejn bqajt inħoss is-sintomi. Kien fit-22 ta’ Marzu meta jien bdejt inħossni għajjiena ħafna. Beda jkolli ukoll qisu riħ ħafif.  Bdejt inbati minn nausea u anke uġigħ ta’ ras. Bdejt nitlob li ma kinitx il-Covid-19. Xtaqt li kien sempliċiment riħ.  Kont naħdem bħala infermiera f’Rhode Island u f’dak iż-żmien kont ivvjaġġajt lejn diversi bliet u ajruporti. Dejjem kont noqgħod attenta. Kont naħseb idejha. Ma nmissx wiċċi. Il-ħwejjeġ dejjem kont nitrattahom qishom kienu ikkontaminati. Irrid ngħid li ma kontx nilbes maskra, u dan għax dak iż-żmien ma’ tantx kienet qed issir enfasi fuqha”.

“Għamilt ħilti kollha biex nibqa’ sigura.  Kienet iebsa meta bdejt nara li beda jkolli is-sintomi tal-Covid-19. Bdejt nitlef ix-xamm u t-togħma.  Kienet disturbanti naraw l-oximeter li jkejjel l-ossiġnu, li beda jonqos b’mod allarmanti meta suppost dan ikun bejn 98 u 100 fil-mija. Bdejt inħoss qtugħ ta’ nifs. Minn moħħi bdew għaddejjin ħafna ħsibijiet. In-nifs kien se jkompli jonqos? Kien se jkolli nispiċċa l-isptar?. “

Sarah tgħidilna li “jien ma npejjipx. Lanqas għandi xi pressjoni għolja fid-demm. M’għandix diabete jew kundizzjonijiet oħrajn li jistgħu ipoġġuni f’riskju sinifikanti minn dan il-virus.  Kienet xi ħaġa xokkanti li nara l-pulmuni tiegħu jissieltu għall-arja.  Jien ħadt ħsieb ħafna pazjenti b’kumplikazzjonijiet fin-nifs anke fl-ITU. Kont naf għal xhiex irrid inħares biex nirrispondi b’suċċess għal sitwazzjonijiet bħal dawn. Qatt m’għaddieli minn rasi li ta’ 33 sena kont se nkun qed napplika dawn is-sitwazzjonijiet għalija innifsi”. 

Tenfasizza li “l-ewwel infezzjoni kienet qawwija imma l-istorja ma waqfitx hemm. Jien irkuprajt wara tlett ġimgħat u mort lura għar-rutina normali. Ma kellix problemi. Kienet qisha sitwazzjoni ta’ meta jkolli l-influwenza. Il-problema li bdejt nara kienet li jien ma kontx ħielsa għal kollox”.

Wara ġimagħtejn mort għall-agħar

“Għaddew ġimagħtejn u l-ġisem tiegħi reġa’ qisu inħakem minn dan il-virus. Is-saħħa tiegħi reġgħet bdiet serja lura.  Ma stajtx nimxi. Bdejt insibha diffiċli nimxi mill-kamra tas-sodda lejn il-kamra tal-banju. Meta imxejtha spiċċajt bir-rata tat-taħbit tal-qalb titla’ għal 130s.  Dan meta din suppost tkun bejn 60 u 100 taħbita fil-minuta.  Normalment qalbi tħabbat ftit aktar minn 60 taħbita kull minuta meta nkun qed nistrieħ u bejn 70 u 80 taħbita kull sekonda meta nkun attiv.  Beda jkolli nuqqas ta’ nifs. Ma’ dan beda jkolli ukoll uġigħ f’sidri. Bdejt inħossni ma niflaħx sew. Li beda jkun hemm stramb hu dak li meta bdejt nagħmel it-testijiet beda jidher li jien m’għandi xejn partikolari. 

Id-demm beda juri li kien hemm il-preżenza ta’ infezzjoni u l-echocardiogarm  u stress test wera li qalbi kienet qed taħdem ħafna aktar qawwija minn normal. Imma ma’ kien hemm xejn aktar. Ħadt X Rays, MRI u CT’s u dawn kollha ġew tajbin. Ma kien hemm ebda mediċinamaġika li setgħet tikkura dak li kont għaddejja minnu u ħadd ma seta’ jgħidli x’kien hemm ħażin. Kien hawn li ġejt infurmata li jien qed inbati minn sintomi għat-tul mill-Covid-19. Irrid ngħid li llum hemm eluf ta’ nies madwar id-dinja li bħali qed ibatu minn dawn is-sintomi. Li qed nagħmlu hu li qed nippruvaw inqajmu kuxjenza fuq l-effetti għat-tul mill-Covid-19”. 

Għaliex jien? Bdejt inbati minn ħafna sintomi

Sarah tiddikjara li “qatt ma irċevejt risposta għaliex dan kien qed jiġri lili. Ħadd ma seta’ jgħidli kif se nikkura dawn is-sintomi. Bdejt niltaqa’ u nitkellem ma’ nies li bdew isofru minn sintomi simili jew sintomi oħra.  Kien hemm biża’ kbira fosthom mill-mod kif il-virus kien affettwa l-ġisem tagħhom. Bqajt inbati minn dawn is-sintomi għal ġimgħat u xhur. Kellhom jgħaddu 218-il ġurnata, sakemm jien erġajt bdejt inħosssni f’saħħti mill-ġdid.  Ma nistax ngħid li ġejt mija fil-mija. Ma nafx hux qatt se niġi mija fil-mija kif kont. Għamilt xhur li fihom kont inħossni marida. Taħbit tal-qalb qawwi. Qtugħ ta’ nifs. Uġigħ f’sidri. Inabbiltà biex nikteb u nikkomunika u uġigħ fil-ġogi. Bdejt inbati ukoll minn ‘nausea’. L-istonku ma kienx f’postu. Kien qed ikolli għejja kbira u anke tibdil fl-ormoni. Bdejt inħoss dwejjaq kbar.”

Ħossukom fortunati li ma ġejtux infettati bil-Covid-19

Ma tonqsux li tgħid li “dawk li ma ġewx infettati għandhom iħossuhom fortunati. Tista’ tħossok ukoll fortunat li kellek il-Covid-19 fiqt u ma reġax kellek sintomi oħra wara. Ma rridx inkun insensittiva. Xi ħadd imma ta l-virus lili. Minħabba li jien ma’ kontx nilbes il-maskli, jien ukoll ittrasmettejt il-virus lil minn tal-inqas persuna oħra. Jiddispjaċini ħafna għal dan. Jien kont qed naħseb li qed nagħmel dak kollu possibbli biex inżomm milli l-virus jinfirex. Mill-esperjenza tiegħi, irrid ngħid tlett affarijiet. Nirringrazzja lil dawk li qed jaħdmu biex iwaqqfu l-firxa tal-virus. Grata ħafna għal dawk li qed jaħdmu biex ikollna postijiet aktar siguri u ħielsa mill-virus. Għal min qed jaħseb li s-sitwazzjoni qed tkun esaġerata, jien ngħidlek li int fortunat li ma ħadtx il-virus. Jekk jogħġbok ikkunsidra, meta tħalli darek li l-azzjonijiet tiegħek jistgħu jaffettwaw lil ħaddieħor u li dan jaf ma jkunx fortunat daqshekk”. 

Kompliet tgħid li “għal dawk li għadhom infettati u għadhom qed jiġġieldu mal-virus jew il-ħsara li għamlilhom, jien ngħidilkom biex tagħmlu kuraġġ.”

Sarah tisħaq li “ilbsu l-maskri. Żommu d-distanzi soċjali. Isimgħu mill-professjonisti mediċi. Segwu r-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi.  Importanti taħslu idejkom ta’ spiss.  Teħdux kollox qisu xejn mhu xejn”. 

Ekonomija

Sport