Hekk kif it-titjira tal-AirMalta li lbieraħ is-Sibt kellha titlaq minn Malta għal Madrid kellha tittardja b’90 minuta, sorsi qrib talk.mt qalulna li għadhom ma jistgħux jifmhu kif il-passiġġier spiċċa b’gaġġa bl-għasfur fil-kabina.
Is-sorsi qalulna li l-passiġġier x’ħin mar biex jagħmel check-in qalilhom li miegħu kien qed iġorr qattusa u nħarġulu d-dokumenti kollha meħtieġa biex dan ikun jista’ jġorrha miegħu.
Meta ġie biex jitla’ fuq l-ajruplan, il-ħaddiema raw id-dokumenti, li kienu jindikaw li l-passiġġier kien qed iġorr qattusa u għalhekk huwa tħalla għaddej.
Hekk kif wasal fil-kabina, il-membri tal-ekwipaġġ (li kienu informati li passiġġier kien se jkollu qattusa miegħu) semgħu ħsejjes ta’ tisfir u għalhekk talbuh jivverifika x’kien qiegħed iġorr. Kien hawn li l-passiġġier qalilhom li kien qed iġorr għasfur, iżda d-dokumenti kollha li kellu kienu jindikaw li seta’ jġorr qattusa.
Il-membri tal-ekwipaġġ mill-ewwel informaw lill-piloti, u skont il-policy tal-AirMalta l-ebda passiġġier ma jista’ jivvjaġġa b’għasafar fil-kabina mal-passiġġieri. Kien hawn li l-passiġġier intalab iħalli l-għasfur Malta biex hu jkun jista’ jivvjaġġa, iżda hu baqa’ jinsisti li ma kienx se jħalli l-għasfur warajh.
Kien għalhekk li kellhom jissejħu l-membri tas-sigurtà u anke l-pulizija biex iniżżlu lill-passiġġier u anke l-għasfur minn fuq l-ajruplan.