Friday, November 22, 2024

“Qalulna mġienen … Omm tistenna snin aħbar dwar binha li x’aktarx mejjet”

Norbert u Steph b’esperjenza indimentikabbli fis-Sirja

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ħafna ddeskrivewna bħala mġienen li sejrin Sirja u oħrajn saħansitra ħarġu b’għeġubijiet oħra bħal ngħidu aħna jekk nibżgħux li jisploduna b’kollox? Ħafna titli li sfortunament huma ġejjin minn nuqqas ta’ tagħrif u ħafna fissazzjonijiet ta’ sensazzjonaliżmu preżentati fil-midja. Nistgħu nikkonfermaw li data uffiċjali ta’ tmiem il-gwerra għad m’hemmx imma ma jfissirx li għax is-Sirja kien hemm il-gwerra jfisser li m’hemmx il-ħajja normali għaddejja.” Iddikjaraw dan ma’ Talk.mt il-koppja Norbert u Steph li f’waħda mill-aħħar avventuri tagħhom rnexxielhom jwettqu l-ħolma tagħhom li jegħlbu kull forma ta’ intimidazzjoni u jżuru s-Sirja. 

Dan il-pajjiż ilhom biex iżuruh snin twal, is-sena li għaddiet bdew jippjanaw li jmorru s-Sirja u evitaw li jmorru l-Iżrael għax li kieku ma kinux ikunu jistgħu jirrealizzaw il-ħolma tagħhom.

Minn hemm bdew bil-kuntatti ħabba visas u affarijiet li kellhom bżonn biex imorru għax ma setgħux jistennew iktar għal din l-esperjenza.

“Wara li vvjaġġajna kważi għal sentejn fl-Ewropa din is-sena ħadna deċiżjoni li nevitaw pajjiżi Ewropej u nżuru aktar pajjiżi bħas-Sirja fil-Lvant Nofsani u l-Asja. Illum li morna u wasalna lura kemm mis-Syria u kif ukoll mil-Libanu sirna nemmnu iktar fil-qawl Malti li bejn il-kliem u l-fatti hemm bahar jikkumbatti. Wara filmat li ħadna Damascus mar viral fuq il-midja soċjali nistgħu nikkonfermaw li minn wara l-kompjuter kulħadd jista’ jikteb li jrid mingħajr ma jaħseb jew jifhem il-konsegwenza ta kull individwu”, kompla biex jgħidilna Norbert rigward l-esperjenza ta’ divertiment tagħhom fejn spjega li hemm postijiet fejn tista’ tieħu pjaċir lil hinn mill-kruha li mdorrijin naraw fejn jidħlu kunflitti u gwerra fis-Sirja.

Qalulna li llum il-ġurnata wara li daru ħafna pajjiżi fl-Ewropa tirrealizza li ’l barra mill-Ewropa jew destinazzjonijiet komuni li ħafna mdorrijiin bihom, f’kontinenti bħall-Asja u l-Afrika jgħinuk biex titgħallem ħafna fejn jidħlu kulturi, reliġjonijiet u tagħlim li xi darba jew oħra trid tesperjenza speċjalment fir-reġjun tal-Lvant Nofsani.

Dwar il-mumenti sbieħ li għexu huma qalulna li kull ġurnata kienet speċjali u li waslu hemmhekk bħala vjaġġaturi u turisti iżda l-imħabba li sabu għalihom tfisser daqslikieku tal-familja. “Mument indimentikabbli kien meta morna Homs u l-merħba li tawna ’l fuq minn għoxrin tifel u tifla kienet kbira wisq. Ħadu ritratt magħhom u flimkien jaqblu li dawk t’hemmhekk huma l-iktar għal qalbhom.

Ktieb b’ismijiet ta’ klijenti li x’aktarx kollha mietu…

Mistoqsija rigward il-mumenti li fihom kellhom diffikultajiet biex jadattaw ruħhom għall-ambjent t’hemm, Norbert qalilna li bħalma jkun hemm mumenti sbieħ ha jkun hemm mumenti koroh u l-qerda u devastazzjoni li raw twassal għal mumenti kbar ta’ dieqa.

“Insemmu tlieta minn fost ħafna. Meta vjaġġajna minn Aleppo għal Homs il-qerda konsegwenza tal-gwerra kienet kbira wisq. Sagħtejn sewqan u kull binja li tara bbumbarjata u mwaqqa’ ċatta fl-art. Mument ieħor kien meta żorna lukanda ġewwa Maaloula li kienet waħda mill-miri ewlenin waqt l-attakki mir-ribelli fl-2013 fejn għad hemm ktieb bl-ismijiet ta’ klijenti li kien hemm fil-lukanda li probabbilment ħafna minnhom tilfu ħajjitom waqt l-attakk”, kompliet biex tispjegalna Steph waqt li semmiet konverżazzjoni ma’ omm li kellmithom u li qalitilhom li binha kien ħarab mis-Sirja u qatt aktar ma semgħet bih. “Għalkemm il-probabbiltà l-kbira hija li dan illum mejjet, tixtieq li kieku mqar tirċievi telefonata li tikkonferma l-mewt tiegħu”, kompla Norbert. 

Staqsejniehom ukoll rigward tagħrif importanti li ġabu magħhom wara din l-esperjenza l-koppja qalulna li apparentament meta tmur f’pajjiżi bħas-Sirja u titlaq lura, l-iktar u l-ikbar ħaġa li tieħu miegħek huwa tagħrif. Il-koppja huma magħrufin sew għall-avventuri tagħhom f’pajjiżi diversi, iżda f’dan il-pajjiż esperjenzaw xi ħaġa li l-ġenerazzjonijiet tal-lum ma’ esperjenzawx f’pajjiżna, esperjenzi li għexuhom in-nanniet tagħna u li ftit ftit qegħdin jispiċċaw dawk li għexuhom. 

“Rajna tfal ġejjin jiġru lejna … kulma riedu li nixtrulhom pasta”

“Li rajna b’għajnejna kienu mumenti li jqabbduk il-bard. Jiġuk mumenti fejn tkun ħa tirkbek l-emozzjoni”, komplew jgħidulna filwaqt li rrakkuntaw dwar mument emozzjonanti ħafna kien f’Aleppo, Belt li kull ħaġa li ġrat fis-Sirja dejjem kien fil-mira ewlenija. Waqt li kienu mexjin f’suq Steph lemħet tfal ġejjin jiġru fuqhom. Kienu quddiem ħanut tal-pasti u kulma xtaqu hu li jixtrulhom pasta. La talbuhom flus u xejn iktar. 

“Fl-opinjoni tagħna huwa pajjiż kemmxejn żvinturat. Pajjiż li jibda jirpilja u jqum fuq saqajh bil-mod wara sitwazzjoni bħall-gwerra u bħalma ġara fi Frar li għadda jseħħ terremot li jerġa’ jitfagħhom lura. Id-daħka fuq wiċċ is-Sirjani diffiċli ninsewha. Pajjiżi mimli b’affarijiet xtara u mimli b’nies li lesti jerġgħu jġibu lis-Sirja bħalma xi darba kienet”, żiedu Norbert u Steph.

“Issugrajt ħajti biex nsegwi l-ħolma li nitgħallem”

Matul il-vjaġġ tagħhom huma ltaqgħu ma’ diversi persuni li xtaqu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u anke jagħtuhom l-istampa reali ta’ dak li għaddej fil-pajjiż. Se nkunu qegħdin nużaw ismijiet fittizji minħabba raġunijiet ta’ identità u x-xewqa li dawn il-persuni ma jissemmewx b’isimhom minħabba s-sitwazzjoni f’pajjiżhom.

Luana qalet magħhom li meta bdiet il-gwerra kellha 13-il sena u n-nies ta’ Safita fejn toqgħod hi bdew jitilqu mis-Sirja kif ukoll kulħadd waqaf jivvjaġġa hemmhekk u għalhekk ir-raħal spiċċa vojt. Għalkemm Damasku kienet meqjusa bħala żona perikoluża, meta għalqet 18-il sena marret hemm biex tistudja biss biex tkun tista’ ssegwi l-ħolma tagħha. “Kienu ġranet tal-biża’ hafna u nirringrazzjaw lil Alla, kull darba li tasal id-dar ħajja u li ħadd ma jimbbumbardjak sakemm tasal. Kienet esperjenza iebsa imma preferejt nissogra ħajti u nwettaq il-ħolma tiegħi xorta waħda”, kompliet tgħid il-mara tal-lokal. 

“Sakemm kont qed nitkellem ma’ xi nies Sirjani, Steph ġiet ħdejja u indubjament xtrajnilhom kollha … tifel minnhom ġie b’ġirja qabdilna wiċċna u beda jbusna bla waqfien. Li ssaqsi tfajliet u ġuvintur x’inhi l-ħolma tagħkom u kulma jgħidulek hi li jixtru karozza (mhux ġdida) imma jgħidulek li fi żmien erba’ snin jew ħamsa għax il-paga ġewwa Sirja hi ta mhux inqas min €20 u mhux iktar forsi min €60. 

“Wieħed miet u ieħor kellhom jaqtgħulu saqajh”

Petra min-naħa tagħha qalet li kienet tmur l-iskola imma bla garanzija hijiex se tirritorna d-dar qawwija u sħiħa. Kienu jitolbu fuq li jitolbu li ma jolqtulhomx id-dar tagħhom u joqtluhom. Waħda mill-istejjer li kkawżatilha problemi mentali meta kienet sejra l-iskola u f’daqqa waħda rat ġebel nieżel minn kullimkien li bdew jaqgħu fuq rashom u wieħed minn sħabha miet quddiem għajnejha u ieħor li weġġa’ gravi quddiemha u kellom jinqtgħulu saqajh.

“Bla elettriku, bla gass u lanqas flus”

Luana qalitilna wkoll li wara sentejn li waqfet il-gwerra bdiet il-kriżi ekonomika. Bla elettriku, bla gass u lanqas flus. Ċertu tfajliet bdew joħorgu ma’ rġiel kbar u anzjani biex jixtru l-ikel u l-ħwejjeġ. It-tfal iż-żgħar telqu mill-iskola u bdew ibigħu l-fjuri, tissues jew sempliċiment jittalbu flus fit-toroq, ikel u ħafna iktar affarijiet.

“Aħna u l-gwerra kbirna flimkien”

Petra qalet ukoll huma u l-gwerra kibru flimkien madanakollu huma poplu b’saħħtu ħafna. Pruvaw u jistgħu jgħidu li kienu kapaċi jaddattaw għaliha. Sal-punt li draw jisimgħu l-vuċijiet jgħidulhom biex ma jibqax jimpurtahom meta pereżempju jkunu mexjin fis-swieq u jibdew neżlin borġijiet ta’ ġebel ħabba l-bumbardamenti. “Dak li ha jiġri xorta ħa jiġri allura m’hemmx għalfejn nibqgħu nibżgħu. Meta ma kienx fadlilna toroq oħra ġejna f’sitwazzjoni li telqet il-biża’”, kompliet tgħid. 

“Kellhom iħallu l-iskola biex imantnu lil ħuthom iżgħar”

Luana tkellmet ukoll dwar tfal li kienu mġiegħla jabbandunaw l-iskola u ma jkomplux u joħorġu jikkumbattu l-ħajja u jiksbu għajxien possibbli għall-ġid tagħhom u ta’ ħuthom iż-żgħar, minbarra l-ħafna tfal li tilfu l-ġenituri kollha tagħhom fil-gwerra u ħarbu mill-orfanatrofju għax ma setgħux jifilħu għal dak il-kaos. 

“Il-gwerra ttimbratna”

Petra tkellmet dwar il-gwerra u l-impatt li ħalliet fuqhom bħala poplu fejn sfortunatament, il-poplu Sirjan sab ħafna mibegħda mill-biċċa l-kbira tan-nies tad-dinja fejn anki bdew jagħtuhom titlu ta’ terroristi. “Il-gwerra tat stampa żbaljata totalment fuqna bħala poplu. Naħseb li għandna bżonn ħafna żmien biex inħassru din il-memorja u titli li ngħatawlna. Biex inkunu onesti, hemm ħafna memorji koroh li għexna fihom. Hija kwistjoni diffiċli biex tinsa għax ħaditilna ħafna snin minn ħajjitna”, żiedet tgħid ma’ Norbert u Steph.

“L-għajnuna mhix biżżejjed minħabba dawk milqutin”

Ġina hija persuna oħra li tkellmet dwar il-ħafna organizzazzjonijiet u inizjattivi komunitarji li ilhom jaħdmu snin twal u għadhom jagħmlu dan biex jgħinu lin-nies milquta billi jipprovdu kenn, ikel, medikazzjoni, u edukazzjoni. Qalet li huma jinsabu grati ħafna iżda l-ammont ta’ nies affettwati mill-ħafna aspetti tal-gwerra u terromott riċenti huma ħafna akbar mir-riżorsi disponibbli.

Sport