Sunday, June 22, 2025

Qanpiena ġdida bl-isem ta’ ‘Carola Francisa’ għall-Konkatridral ta’ San Ġwann tingħaqad mal-qanpiena tal-Granmastru Pinto.

Aqra wkoll

Ilbieraħ saret inawgurazzjoni ta’ qanpiena ġdida bl-isem ta’ Carola Francisco għall-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann fil-preżenza tal-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna u l-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici. Il-qanpiena hija ffabbrikata mir-Royal Eijsbouts Bellfoundry f’Asten, l-Olanda u bl-inawgurazzjoni ta’ din il-qanpiena ġiet indirizzat anomalija tonali li ilha teżisti għal ħafna ġenerazzjonijiet fl-ensemble tal-qniepen storiċi tal-Konkatidral.

Il-qanpiena oriġinali inkwistjoni, maħduma fl-1702 minn Luca Menville, il-fundatur ewlieni tal-Ordni ta’ San Ġwann, għal snin sħaħ ippreżentat sfidi fl-integrità armonika. Minħabba l-profil irqiq mhux tipiku tagħha u l-istruttura inkompatibbli akustikament, il-qanpiena ma setgħetx tiġi intonata biex iddoqq f’armonija mal-qniepen l-oħra tas-sekli 17 u 18. Dan ikkawża diskordanza li kienet ilha tippersisti għal aktar minn erba’ deċennji. Għalhekk, ‘Carola Francisca’ se tingħaqad ma’ dan l-ensemble, u se tiddendel ħdejn il-qanpiena tal-Granmastru Pinto.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna tkellem dwar is-sinifikat ta’ dan l-avveniment, fejn qal li din il-qanpiena l-ġdida hi sejħa biex inkomplu nikkontribwixxu għall-armonija li joffri l-Konkatidral ta’ San Ġwann imma wkoll hi sejħa għalina lkoll, li għandna ton individwali f’qalbna, sabiex naħdmu f’armonija u għaqda flimkien. L-Arċisqof irrefera għal vers tal-Innu Malti, fejn lill-Mulej nitolbuh, “Seddaq il-għaqda fil-Maltin u s-sliem.” Qal, “Nitolbu wkoll li din il-qanpiena, li hi l-vuċi ta’ Alla, tilħaq il-qalb tagħna u tistedinna nkunu qrib tiegħu.”

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici min-naħa tiegħu rrimarka kif din il-qanpiena l-ġdida fil-Konkatidral ta’ San Ġwann hija aktar minn strument mużikali – hija simbolu ġdid ta’ rispett lejn il-wirt spiritwali u kulturali tagħna. Il-Ministru Bonnici qal li b’din il-qanpiena, qed inkomplu nsebbħu tempju li diġà jħaddan il-ġmiel, l-arti u l-fidi. Radd ħajr lill-Fondazzjoni u lis-Sur Kevin Cauchi għall-ħidma dedikata li tagħti leħen ġdid lill-kobor ta’ San Ġwann.

Min-naħa tiegħu, il-Professur Monsinjur Emmanuel Agius, President tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, qal din il-qanpiena, flimkien mal-ħamsa l-oħra, se twassal messaġġ ta’ faraġ lilna l-Pellegrini tat-Tama.

Din il-qanpiena ġiet ikkummissjonata u se tkun imbierka llum matul l-episkopat tal-Mons. Arċisqof Charles Sciculna. Għalhekk, jagħmel ħafna sens li din il-qanpiena ġdida se ġġib l-isem ta’ Carola Francisca bħala gieħ kemm għall-mibki l-Papa Frangisku, kif ukoll għall-maħbub Arċisqof tagħna. Din il-qanpiena se tfakkar għall-eternità t-tama mibnja fuq il-ħniena t’Alla li wasslilna l-Papa Franġisku u l-memorja tal-episkopat fejjiedi tal- Mons. Arċisqof.

Din iż-żieda tant mistennija mal-qniepen l-oħra ma kinitx sempliċiment korrezzjoni teknika iżda tiġdid simboliku tal-identità akustika tal-Konkatidral. Hija wkoll affermazzjoni mill-ġdid tal-impenn tal-Fondazzjoni għall-eċċellenza fil-konservazzjoni ta’ artifatti preżenti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport