Sunday, November 10, 2024

Qassis li kkritika lil Putin jista’ jeħel sa 10 snin ħabs

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Qassis li kkritika lil Putin jinsab arrestat u jista’ jeħel sa 10 snin ħabs. Skont rapporti, l-uffiċjali li arrestawh, ħadulu l-mowbajl, il-laptop, żewġ ikoni u salib tal-injam fost affarijiet oħra.

Loann Kurmoyarov ittieħed lejn għassa tal-pulizija f’San Pietruburgu fejn ingħata permess biex jagħmel biss telefonata waħda lil tal-familja.

Il-qassis hu maħsub li hu l-ewwel wieħed li nżamm il-ħabs taħt liġijiet li ddaħħlu fir-Russja biex jikkastigaw lil dawk li jxerrdu informazzjoni li tmur kontra n-narrattiva tal-Kremlin dwar il-gwerra.

“Jien priġunier tal-kuxjenza, li qed inbati għat-twemmin tiegħi. Inqis li l-akkużi miġjuba kontrija u d-detenzjoni tiegħi huma illegali”, qal il-qassis Ioann fi stqarrija li ddetta lill-avukat tiegħu fil-Ħabs ta’ Kresty f’San Pietruburgu. Huwa jżid jgħid li huwa paċifist Nisrani li l-fehmiet morali tiegħu huma kompletament ibbażati fuq il-kmandamenti tal-Vanġelu u l-kanoni tal-Knisja Ortodossa Russa.

Fit-12 ta’ Marzu, ftit aktar minn ġimagħtejn wara li bdiet l-invażjoni fl-Ukrajna, il-qassis tella’ filmat ta’ tmien minuti u nofs fuq YouTube.

Fil-filmat huwa qal li dawk li huma favur din l-aggressjoni mhux se jkollhom post fil-ġenna u li kienu r-Russi li bdew l-invażjoni u mhux bil-kontra. Huwa sostna li minħabba l-imwiet ta’ ċittadini innoċenti, ir-Russi kienu se jispiċċaw l-infern.

Ħuh Alexander Kurmayorav qal li jinsab infurmat li l-qassis se jkun qiegħed jgħaddi ġuri fil-ġimgħat li ġejjin, iżda esprima tħassib għas-sentenza massima li jista’ jingħata b’rabta mal-akkużi miġjuba kontrih.

L-uniku persuna li żar lil loann kien l-avukat tiegħu Leonid Krikun li kkonferma li l-klijent tiegħu jidher f’kundizzjoni tajba ta’ saħħa. Żied jgħid li hu ssuġġerielu li jammetti għax x’aktarx kien se jingħata sentenza inqas ħarxa, iżda l-qassis qal li jippreferi jingħata sentenza itwal u jibqa’ mat-twemmin tiegħu. Qal ukoll li f’dak il-każ, kien se jibqa’ jxandar il-kelma t-tajba lill-ħabsin.

Sport