Din il-ġimgħa, l-aktar diskors li ddomina huwa proprju dwar il-każ ta’ allegat stupru ta’ minuri fin-Nadur Għawdex. Dan huwa wieħed minn dawk il-każijiet li ħafna jħossu li ma saritx ġustizzja mal-vittma. Id-diskussjoni hija taħraq aktar hekk kif il-vittma ta’ dan “l-iskandlu” kellha biss 13-il sena meta allegatament sfat abbużata sesswalment għall-ewwel darba. Elementi oħra li wasslu għal rabja u frustrazzjoni, kif ukoll qajmu aktar mistoqsijiet, huma l-ħlas bl-eluf biex “isikktu” lill-familja, l-involviment ta’ qassis u t-tul ta’ kważi 20 sena proċeduri fil-Qorti.
L-eks Kummissarju Ewropew, Helena Dalli, hija persuna pubblika li qiegħda tqajjem kuxjenza u għarfien dwar dan il-każ. Qiegħda tkun il-vuċi tal-vittmi ta’ abbuż. F’din l-intervista ma’ IT-TORĊA Dalli tisħaq li l-involviment tal-qassis qarib tal-akkużati ma kienx fl-interess tal-minuri imma fl-interess ta’ dawk li abbużaw mit-tifla. Ippreċiżat ukoll li f’din il-kobba ta’ “knisja, poter, familja, flus u fama f’raħal Għawdxi żgħir” hemm ħu l-aggressuri li fiż-żmien li kien għaddej il-każ kien saħansitra nħatar bħala Ministru tal-Ġustizzja tal-Partit Nazzjonalista, ħaġa li fl-opinjoni tagħha ma kinitx l-aħjar għażla f’dawk iż-żminijiet.
Hawnhekk din l-eks Kummissarju Ewropew tidħol ukoll fuq il-fatt li kien hemm dewmien esaġerat fil-Qorti u tispjega kif iż-żmien jista’ jkun ta’ detriment għall-ġustizzja vera. Dawn huma l-mistoqsijiet li għamilna lil Helena Dalli:
Il-każ tal-istupru tan-Nadur reġa’ fetaħ diskussjoni dwar kif jiġu trattati allegazzjonijiet serji ta’ abbuż. X’jgħidilna dan il-każ fuq il-ġustizzja reali?
L-aktar li weġġagħni f’dan il-każ huwa li qassis daħal bejn il-ġustizzja u l-akkużati. Agħar minn hekk, nafu wkoll li dan il-qassis kien qarib ta’ akkużat u hekk tibda tifhem li r-raġuni li ried jostor il-każ ma kienitx l-interess tal-minuri, imma l-‘unur’ tal-familja tiegħu.
Jien nistenna li qassis ikun fuq in-naħa ta’ tifla li ġiet stuprata ripetutament, mhux fuq in-naħa ta’ dawk li stuprawha.
Għandek qassis li għażel li jipproteġi lil min abbuża mill-minuri minflok ma pproteġa lill-vittma. U dan il-qassis ħuwa wieħed mit-tliet viċi-kapijiet tas-seminarju ta’ Għawdex, fejn ikunu ffurmati s-saċerdoti tagħna. Dan waħdu jgħid ħafna dwar kif l-istituzzjoni tħares lejn dawn l-affarijiet. Huwa wkoll l-Arċipriet taż-Żebbuġ li suppost joffri lilu nnifsu għall-ġid tal-bnedmin kollha .
Għandek ukoll il-fatt li waqt li kien għaddej dan kollu, ħu l-akkuzati nħatar Ministru tal-Ġustizzja. Ma naħsibx li kienet l-aħjar għażla f’dawk iż-żminijiet.
Imbagħad hemm is-snin twal li dam ikaxkar dan il-każ. Il-Qorti nnotat li d-dewmien u ċ-ċirkostanzi tal-każ jistgħu jaffettwaw l-evidenza u x-xhieda. Imma, id-dewmien – kważi 20 sena qegħdin ngħidu – tort ta’ min? Dan id-dewmien ovvjament ħadem fl-interess ta’ dawk li ħadu pjaċir jabbużaw minn tifla taħt l-età. Justice delayed, justice denied (ġustizzja mdewma tfisser ġustizzja miċħuda).
Kien hemm ukoll riferiment għal irtirar ta’ ilmenti. Kemm huwa sinifikanti dan?
Sinifikanti ħafna. Wara l-irtirar tal-ilment, il-ġenituri tat-tifla esprimew dispjaċir fuq dik id-deċiżjoni. L-omm qalet li ħassitha li “biegħet il-ġisem ta’ bintha.” Għalija dik il-frażi tgħid kollox.
Imma, l-interess tat-tifla ma kien qiegħed jarah lanqas dak li suppost huwa l-kuxjenza tal-komunità. Anzi, kien qiegħed jaħdem biex jinħeba kollox u minflok jgħin lill-familja tal-vittma, għamel pressjoni fuqhom – meta sabhom f’mument vulnerabbi – biex jirtiraw l-akkuża.
Fil-proċess saret referenza wkoll għal ħlasijiet ta’ kumpens. Kif dawn għandhom jiġu interpretati?
Jien insejjaħlhom b’isimhom: flus biex jinxtara s-skiet.
Legalment, kumpens jew “settlement” jista’ jsir bejn partijiet. Madankollu, f’dan il-każ ġie rrapportat li sar ħlas kmieni fil-proċess permezz ta’ persuni terzi, inkluż din il-figura suppost reliġjuża, biex jingħalaq ħalq il-vittma minuri u ħalq il-familja tagħha ħalli ma tkomplix tinstema’ l-verità. Kieku ma kienitx qiegħda tingħad il-verità mill-vittma, ma kienx ikun hemm bżonn dawk l-eluf kollha biex jieqaf kollox. Kienu jħallu l-proċess għaddej biex toħroġ il-verità. Kien ikun fl-interess tagħhom li l-każ ikompli jinstema’.
Il-prosekuzzjoni argumentat li s-“settlement” kien ivvizzjat għax sar taħt pressjoni u għall-flus.
Il-Qorti osservat li dawn it-tip ta’ arranġamenti jistgħu jkollhom impatt fuq il-proċess u jħallu xi kwistjonijiet mhux riżolti u għalhekk jistħoqqilhom skrutinju serju.
Dan il-każ dam għaddej għal ħafna snin. X’effett jew konsegwenzi għandu tali dewmien?
Id-dewmien huwa waħda mill-akbar problemi. Iktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar l-evidenza tiddgħajjef u l-vittmi jitilfu l-fiduċja fis-sistema, fl-istituzzjonijiet u fl-istat kollu kemm hu.
Imma, hemm dimensjoni oħra wkoll: id-dewmien jaħdem. Min irid li l-każ ma jimxix jaf li ż-żmien huwa alleat tiegħu u anke jekk fl-aħħar isseħħ il-ġustizzja, dejjem tibqa’ s-sensazzjoni li saret tard wisq.
Kemm tara li huwa relevanti l-kuntest ta’ pajjiż żgħir bħal Malta?
Ħafna. F’soċjetà żgħira l-istigma hija akbar, il-pressjoni soċjali hija akbar u r-relazzjonijiet huma aktar qrib. F’dan il-każ stess, ix-xhieda fil-proċess semmew kuntatt u intervent minn persuni b’influwenza.
Il-kombinazzjoni ta’ Knisja, poter, familja, flus u fama f’raħal Għawdxi żgħir kienet biżżejjed biex każ ta’ stupru ta’ minuri jisparixxi għal tul ta’ żmien.
X’taħseb li jista’ jsir b’mod konkret fil-futur?
Hemm diversi direzzjonijiet li jeħtieġ nissieħbu fihom: protezzjoni u appoġġ akbar għall-vittmi; proċeduri inqas bil-mod; reviżjoni tar-regoli dwar is-‘settlements’ speċjalment f’każijiet ta’ abbużi fuq minuri; kiff ukoll aktar kontroll meta jkun hemm intervent ta’ partijiet terzi.
Imma, jeħtieġ ukoll responsabbiltà istituzzjonali. Il-Knisja, pereżemju, għadha siekta.
Malta kienet neħħiet il-liġi tal-kwerela u saħħet il-liġi fejn jidħol stupru ibbażata fuq il-kunsens. Fil-fatt l-Ispettur f’dan il-każ kompliet ex-ufficio. X’tgħidilna dwar din il-bidla fil-liġi?
Iva. Konna neħħejna l-liġi tal-kwerela biex il-pulizija jistgħu jipproċedu ex-uffiċjo.
Ukoll, Malta adottat qafas legali bbażat fuq il-kunsens fil-każ tal-att sesswali, jiġifieri, iva biss tfisser iva. Il-fokus huwa fuq jekk kienx hemm kunsens ċar u liberu, mhux biss fuq jekk kienx hemm forza fiżika. Din hija bidla fundamentali fil-mod kif nifhmu u nipprotegu l-vittmi.
Qiegħda tissemma’ wkoll il-preskrizzjoni – il-limitu ta’ żmien legali li fih il-vittmi jistgħu jibdew proċeduri fil-Qorti. Kif dan il-limitu jaffettwa każijiet bħal dawn u aktar minn hekk, lill-vittmi ta’ abbuż sesswali?
F’każijiet ta’ abbuż sesswali fuq minuri, ħafna vittmi ma jitkellmux mill-ewwel. Jieħdu snin – kultant deċennji – biex jipproċessaw dak li ġara u jsibu l-kuraġġ li jitkellmu.
Jekk fuq dan iżżid sistema fejn il-każijiet idumu s-snin u hemm ukoll limitu ta’ żmien legali, qiegħda toħloq sitwazzjoni fejn il-ġustizzja ssir kważi impossibbli.
L-argument li qiegħed jikber huwa li l-preskrizzjoni mhux biss tiġi estiża, imma titneħħa kompletament għal reati ta’ abbuż sesswali fuq minuri. Għax dawn il-każijiet ma jaħdmux bħall-oħrajn u l-vittmi m’għandhomx jiġu penalizzati għall-ħin li jieħdu biex isibu l-kuraġġ li jitkellmu.

