Friday, December 13, 2024

Qassis se jħalli Malta biex jibda esperjenza missjunarja f’Kuba

Aqra wkoll

Fr Stephen Magro ġie ordnat qassis nhar it-3 ta’ Lulju 2011 u għalhekk dalwaqt jagħlaq 11-il sena f’dan ir-rwol tant nobbli. Hu serva fil-parroċċa ta’ San Lawrenz fil-Birgu fejn aktar qabel kien djaknu. F’Settembru 2013, ġie ordnat bħala chaplain fl-Iskola tas-Seminarju tal-Arċisqof fir-Rabat. Fis-sitt snin li qatta’ f’dan ir-rwol ħa ħsieb sew il-ħtiġijiet reliġjużi u spiritwali tal-istudenti u dawk kollha nvoluti f’din l-iskola. Fis-sena 2019 Fr Magro kien maħtur bħala direttur għall-vokazzjonijiet tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. 

Fr Magro għandu għal qalbu l-missjoni tant li mar il-Kuba sabiex jgħin fil-parroċċa ta’ belt partikolari hemmhekk filwaqt li jgħin u jagħti sehmu man-nies li għandhom diversi problemi soċjali ta’ kull xorta. Hu jgħid li jħoss sodisfazzjon kbir meta jaqdi l-ħtiġijiet ta’ dawn in-nies u jara t-tbissima tagħhom li hi waħda ġenwina u li tfisser ħafna. 

Talk.mt tkellmet ma’ Fr Stephen Magro li qed iħejji ruħu għat-tieni esperjenza tiegħu f’dan il-pajjiż li jinsab fin-naħa tal-baħar Karibew bejn l-Amerika ta’ Fuq u l-Amerika t’Isfel.

Saqsejna lil Fr Magro dwar din il-ħajra li ġietu li jerġa’ jmur f’Kuba. X’wassal għal din id-deċiżjoni?

“Nammetti li għandi namra kbira għal dak il-pajjiż. Meta kont is-Seminarju, kelli ċ-ċans immur hemmhekk fejn esperjenzajt kull stil ta’ ħajja. Peress li mis-seba’ snin li nagħmlu seminaristi, ikollna sena barra, jien iddeċidejt li ma naħlix ħin u mort għall-missjoni biex sa ċertu punt nonora din il-vokazzjoni li kelli. Naturalment hemm ħafna tbatija li jesperjenzaw ċerti nies u jien ippruvajt intaffiha b’ħafna għajnuna. Niftakar li għamilt ħames xhur hemmhekk iżda mal-ewwel irbatt qalbi ma’ dan il-pajjiż. Kien hemm saċerdot ieħor li issa ġie lura imma li dak iż-żmien kien qed iservi f’din il-parroċċa partikolari u dan kollu għeni sabiex nambjenta ruħi malajr. Għaddew is-snin għalkemm f’dan iż-żmien bqajt naħseb ħafna f’din l-esperjenza filwaqt li bdejt nikkontempla, kważi kważi nhewden f’qalbi meta għandi nerġa’ mmur. Iż-żmien tiegħi reġa’ wasal, bħal qisu Alla qed isejjaħli sabiex nerġa’ mmur hemm u jien nilqa’ b’qalbi kollha din is-sejħa.”

“Irrid ngħid li meta kont hemmhekk in-nies laqgħuni ħafna u ma xtaqunix nitlaq lura lejn Malta. Interessanti l-fatt li l-kultura tagħhom tixbah ħafna lil tagħna. Hemm dik il-kultura Mediterranja minħabba li dan il-pajjiż ħafna snin ilu kien maħkum mill-Ispanjoli tant hu hekk li huma jitkellmu l-lingwa tagħhom. Huma nies soċjali ħafna għax iħobbu jiltaqgħu u jkunu flimkien speċjalment meta t-temp ikun sabiħ.”

Fr Magro tana dettall dwar is-sitwazzjoni politika f’dan il-pajjiż. Il-president tal-pajjiż Miguel Diaz-Canel imexxi gvern bi stil komunist. Din it-tip ta’ politika tmur lura għas-snin ħamsin u sittin u għalkemm fl-Ewropa ħafna mexxejja jħaddnu tmexxija demokratika, f’dan il-pajjiż tal-Amerika Ċentrali baqa’ jżomm l-istess twemmin tal-predeċessuri tiegħu. Dan il-qassis jgħid li din it-tmexxija fiha diversi fatturi pożittivi għalkemm hemm sfidi li diffiċli jingħelbu malajr. Wieħed irid jgħid li kien hemm progress f’dan ir-rigward u hemm tama li jista’ jkun hemm aktar. 

Tkellimna dwar il-faqar soċjali f’dan il-pajjiż. Fr Magro kien ċar.

“Hemm nies li huma wisq foqra f’Kuba. Dawn għandhom sfidi kbar biex ilaħħqu mal-ħajja u l-iktar ħaġa evidenti hi li hemm wisq diskrepanzi bejn faxex ta’ nies. Hemm min għandu pagi għoljin, speċjalment dawk li jgħixu fil-belt, filwaqt li oħrajn jew ilaħħqu eżatt jew isibu diffikultà biex jaslu sal-aħħar tax-xahar.”

“Is-sistema komunista hi riġida ħafna minħabba li n-nies ma jistgħux jipprotestaw, hemm nuqqas ta’ liberta’ u fuq kollox joqogħdu attenti kif jitkellmu. Ir-raġunament hemmhekk hu jew hekk jew xejn. U għalhekk li l-isfidi ta’ ċerti gruppi tas-soċjetà jkomplu jikbru.”

Fr Magro sostna li minkejja li anke f’Malta hawn diversi sfidi relatati ma’ faqar soċjali, xorta ħass is-sejħa tiegħu f’Kuba. Għalkemm hu kien qed jirsisti ħafna fir-rwol tiegħu mal-qassisin prospettivi, il-bżonn fil-pajjiż fejn sejjer hu ferm kbir. Hu tana eżempju sempliċi fejn qal li kappillan partikolari jrid ilaħħaq ma’ popolazzjoni ta’ 60,000 ruħ li hi xi ħaġa impossibbli. Barra minn hekk, ftit hemm parroċċi f’Kuba u għalhekk il-bżonnijiet spiritwali tan-nies jiżdiedu iktar. Hu jiftakar li meta ftit tas-snin ilu kien hemm, il-knisja fejn kien iqaddes kienet żgħira ħafna u jgħid li l-element taċ-ċokon għalkemm fih ħafna limitazzjonijiet jgħin ukoll biex issir taf aktar lil ċerti gruppi ta’ nies li jfittxu lill-qassis għall-bżonnijiet spiritwali tagħhom.

Iżda kemm hu diffiċli biex bniedem jitlaq kollox warajh u jmur f’din il-missjoni?

“Nista’ ngħidlek li xejn m’hu faċli aktar u aktar meta f’Malta għandna kollox, bil-kumditajiet kollha nvoluti. Jien kont issettiljajt ħafna s-Seminarju fejn ili nservi għal dawn l-aħħar disa’ snin u kelli kariga li kont qed nonoraha bl-aqwa mod possibbli.”

“Madankollu jien bħala karattru nħobb  ħafna l-isfidi u għalhekk din l-avventura se nidħol għaliha b’ruħi u ġismi. Barra minn hekk jien għadni żgħir fl-età u għalhekk aktar ma naqtax qalbi.”

Tlabna lil Fr Magro sabiex jagħmel appell għax dawk il-missjunarji, mhux biss qassisin iżda anke lajċi, sabiex imorru jibdew avventura barra minn xtutna sabiex jgħinu lil dawk l-aktar batuti jew fil-bżonn.

“B’xorti tajba, aħna l-Maltin magħrufin bħala poplu li ngħinu lin-nies fil-bżonn. Irrid ngħid li hawn ħafna qassisin, saċerdoti, soċji tal-mużew u anke lajċi li jitilqu l-ġid materjali li għandhom sabiex imorru għal din il-missjoni ferm sabiħa, dik li jgħinu lil ħaddieħor.”

“Aħna niftaħru b’dawn in-nies li verament jagħmlu ħafna ġid u huwa għalhekk li nħeġġeġ anke żgħażagħ sabiex jippruvaw iwettqu din l-avventura ferm nobbli. Ngħidilhom biex ma jaqtgħux qalbhom għax tiskanta kemm tirċievi mħabba lura għal ftit ġid li tagħmel.”

“Alla tana r-rigal tal-fidi u aħna bħala insara rridu nwettqu u nużaw dan id-don bl-aħjar mod possibbli. Il-messaġġ ta’ Ġesu’ Kristu hu li bħalma hu għen u fejjaq lill-batut, aħna elfejn sena wara rridu nagħmlu l-istess sabiex naraw lill-proxxmu tagħna jifraħ.”

Ekonomija

Sport