“Ma’ min se nitkellem?” . “Se ngħidilhom li ibni isawwatni? Se ngħidilhom li jekk ma ntihx kemm irid flus naqlagħha?”. “Qtajt qalbi minnu. Ippruvajt fuq li ppruvajt ma jridx jisma”. Dawn huma ommijiet li fl-aħħar jiem qasmu l-esperjenzi tagħhom dwar realtà moħbija f’pajjiżna.
Din hi r-realtà ta’ ulied li jsawwtu l-ġenituri tagħhom. Ħafna drabi, għalkemm mhux biss, ikun swat fuq ommijiet. Realtà li magħha għad hawn stigma kbira. Realtà li f’pajjiżna daħlet sew u għalkemm għadha moħbija sew qed naraw dejjem il-każijiet jiżdiedu.
Dawn li qed jesperjenzaw din il-vjolenza isibuha bi tqila ħafna biex jirrikorru għand professjonisti jew għal servizzi ta’ appoġġ. Jistħu jagħmu dan. Xi wħud aktar milli jistħu jibżgħu li jekk imorru għand professjonisti jew ifittxu appoġġ għalihom u għal uliedhom, il-problema ta’ vjolenza f’darhom tiggrava.
Mhux faċli tifhem din il-problema u lil dawn ilġenituri, li ħafna drabi jżommu kollox bejn il-ħitan ta’ darhom. Fi kliem il-ġenituri abbużati stess, l-ulied jibdew jużaw il-vjolenza meta dak li jitolbu ma jintlaqax. Fost dawn ikun hemm talbiet għal flus jew għal ħin twil f’dak li hu ħruġ.
Għal dawn it-tfal, jekk dak li tablet ma jintlaqax, il-pass li jmiss ikun dak li jerfgħu idejhom fuq ommhom, ikissru fid-dar, jew jagħmlu affarijiet li jimbarazzaw lill-ġenituri quddiem nies barranin. Ma dawn ikun hemm it-theddida li jitilqu mid-dar u jmorru jgħixu għal rashom, biex jgħixu kif iridu.
Il-mistoqsija dwar għaliex iseħħ dan, hi importanti. Riċerka ftit li xejn teżisti dwar din ir-realtà moħbija, imma hemm indikazzjonijiet li din il-vjolenza mittfal tista’ tiġi minħabba każi ta’ vjolenza domestika f’dik id-dar jew f’dik il-familja, każi ta’ saħħa mentali, abbuż minn drogi b’mod partikolari drogi sintetiċi, jew inkella anke influwenza u pressjoni kbira fuq ittfal minn sħabhom.
Nemmnu li r-realtà li qed ngħixu fiha Illum ma tantx tgħin. Hi xi ħaġa li taraha kontinwament filpubbliku, dik ta’ tfal li ma jaqilgħux għajnejhom minn fuq tablet jew mowbajl. Tara familji llum li suppost ikunu ħarġu bħala familja, imma kommunikazzjoni ma teżistix. Kulħadd mgħaddas jew fil-mowbajl jew
fit-tablet. Tara familja f’ristoranti, li suppost għandhom ħin ta’ kwalità, fein ħadd ma jitkellem.
Kulħadd moħħu f’li qed jagħmel b’dak li għandu quddiemu. It-tfal jilagħbu xi logħba u l-ġenituri jitkellmu ma’ ħbiebhom fuq il-facebook. Nemmnu li din qed twassal biex it-tfal jinqatgħu. Isiru aktar solitari. Donnu li aktar mhu jgħaddi żmien aktar qed tispiċċa l-kommunikazzjoni fil-familja.
Fil-passat, it-tfal kienu jaħlu l-enerġija jiġru barra, jew jilagħbu. Illum imma bilqiegħda komdi, u dik l-enerġija li suppost qed jużaw, qed tibqa’ fihom. Din minnha nfiha tista’ tkun waħda mir-raġunijiet għaliex għandna tfal aġitati u lesti li jirribellaw b’mod qawwi u li jridu jagħmlu biss dak li jidhrilhom huma.
F’pajjiżna għandna servizzi ukoll dwar dan ilqasam. Din ir-realtà f’pajjiżna qed tkun trattata ukoll. Għaddejja ħidma mingħajr ħafna daqq ta’ trombi. L-awtoritajiet f’pajjiżna qed jaħdmu ma’ professjonisti barranin u anke Maltin biex ikun hawn aktar għarfien dwar din il-pjaga u kif għandha tiġi trattata.
Nemmnu li f’pajjiżna hawn bżonn li nitkellmu ħafna aktar dwar dan. Hemm bżonn tqum kuxjenza biex dawk li qed jostru l-problema bejn il-ħitan ta’ darhom ifittxu l-għajnuna.