Fl-aħħar jiem u sigħat komplew ħerġin aktar aħbarijiet ta’ atroċitajiet li twettqu u qed jitwettqu fl-Ukrajna. Attakki fuq żoni li fihom jgħixu ir-residenti u attakki fuq stazzjonijiet tal-ferroviji, mhuma jagħmlu xejn ħlief iżidu it-terrur fost il-popolazzjoni innoċenti fl-Ukrajna.
F’din il-gwerra rajna tfal jinqatlu, ommijiet u anzjani. Rajna xeni ta’ katavri ta’ persuni ċivili, mitluqin fit-toroq. Ħarġu aħbarijiet ta’ allegazzjonijiet ta’ stupri u qtil ta’ persuni innoċenti. Rajna residenzi jiġu attakki u meqruda minn suldati Russi. Rajna kif ċentri kummerċjali kienu attakki u nqerdu. Rajna kif skejjel u sptarijiet ma ħelsuhiex mill-attakki.
Wieħed ma jistax ma jsemmix l-attakk infami li sar fuq sptar tal-maternità f’Mariupol u l-attakk fuq teatru. Inħarġu ukoll rapporti b’allegazzjonijiet ta’ stupri minn sudati Russi. Wieħed irid jimmarka li l-istupri intużaw bħala tattika fi gwerrer oħajn fosthom f’dik tal-Bosnja u anke fil-ġenoċidju tar-Rwanda mit-truppi Hutu kontra nisa Tutsi.
Ix-xeni li rajna minn din il-gwerra fl-Ukrajna ixxukkjaw lil ħadd. Kienu diversi dawk anke fl-Ewropa li tkellmu dwar dak li għaddej u kif kienu xxukkjati. Kellna anke kapijiet ta’ stati, li esprimew ruħhom.
Imma quddiem dan toħroġ mistoqsija. M’hemm ebda dubju li dak li rajna hu xokkanti. Li qatt m’għandu jsir. Ma ninsewx imma li kien hemm kunflitti oħra madwar id-dinja li fihom inqatlu persuni ċivili. Fl-Iraq. Sirja. Jemen. Gaża. Xi drabi, dawn il-kunflitti ma attirawx l-attenzjoni tal-media tal-punent, bil-kuntrarju ta’ dak li qed jiġri fl-Ukrajna.
Kemm smajna li r-Russja għandha tinżamm kontabbli għal krimini tal-gwerra u hekk għandu jkun. Imma ma smajniex l-istess sejħiet biex jittieħdu passi kontra uffiċjali tal-Istati Uniti għal atti li twettqu fi gwerer li kienet involuta fihom l-Istati Uniti. Fil-gwera tal-Iraq, kemm is-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar u anke l-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Iraq iddokumentaw vjolazzjonijiet sistematiċi tal-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra minn suldati tal-Istati Uniti.
U quddiem dak li għaddej fl-Ukrajna ma nistgħux ma nistaqsuh x’ġara minn Nazzjonijiet Uniti. F’kunflitt bħala dan wieħed stenna aktar snin minn din l-organizazzjoni. U quddiem id-djgħufija li uriet, fejn il-ħruxijiet fl-Ukrajna żdiedu u mhux naqsu, wieħed ma jistax’ ma jistaqsix dwar ir-relevanza ta’ din l-organizazzjoni meta hemm pajjiż militarment b’saħħtu bħar-Russja li qed iwettaq aggressjoni. Konna diġa rajniha mal-Istati Uniti din id-djgħufija.
Wieħed jittama li quddiem dak li għaddej, in-Nazzjonijiet Uniti ma tispiċċax irrilevanti kif kien ġralha il-Lega tan-Nazzjonijiet li kienet twaqqfet wara l-Ewwel Gwerra imma li imbagħad spiċċat ma setgħet tieħu ebda azzjoni kontra aggressjoni minn pajjiżi bħal Italja u l-Ġermanja u li finalment wasslu għat-Tieni Gwerra Dinjija.
Nemmnu li l-messaġġ li jrid jitwassal għandu jkun wieħed. Dak li jieqaf il-ġlied. Il-popli paċi u mhux gwerer iridu. Nemmnu li għandu jkun hemm l-għajta ta’ ‘Qatt Aktar’. Qatt aktar għal bumbardamenti ta’ bliet u żoni ċivili, kemm jekk jekk fl-Ukrajna, fis-Sirja, fil-Jemen, fl-Iraq u Gaża.