…fil-Mediterran u lil hinn minnu hemm straġi sħiħa
….tlesta x-xogħol biex titwaqqaf l-ewwel Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem
– il-Prim Ministru Robert Abela
Hekk kif ilbieraħ tfakkar is-47 anniversarju minn mindu Malta kisbet il-Ħelsien fil-31 ta’ Marzu 1979, il-Prim Ministru Robert Abela iddikjara li qatt daqs illum pajjiżna ma kellu bżonn in-newtralità. Fid-diskors tiegħu hu ħabbar li tlesta x-xogħol biex titwaqqaf l-ewwel Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem.
Il-Prim Ministru beda id-diskors tiegħu qal li “kien hemm żmien meta kważi ridna nikkonvinċu dwar ir-rilevanza ta’ din il-ġrajja. Kien hemm min kien ilu jqajjem dubli dwar x’sens għandha n-newtralità fid-dinja ta’ llum. Fil-Mediterran u lil hinn minnu llum hemm straġi u ħadd m’għaddielu minn moħħu li se tikber hekk u li issa qed tkompli teskala. Pajjiżi li f’temp qasir tilfu il-prosperità li hi kruċjali – tilfu l-istabbilità. Pajjiżi li bla ma bassru spiċċaw bil-bombi fuq rashom. L-infrastruttura, u l-bini taħt attakk. Qatt daqs illum, pajjiżna ma kellu bżonn in-newtralità. Illum nitkellmu dwar x’rieda soda kellhom biex pajjiżna ħeles mill-bażi militari. Illum niftakru li s-saħħa ta’ pajjiżna ġejja mill-kuraġġ tagħna li nibqgħu ħielsa u newtrali u fil-paċi ma’ kulħadd.”
Kompla jgħid li “imma tgħiduli imma l-ħelsien xi jfisser? Il-ħelsien ma kienx biss l-għeluq tal-bażi Ingliża imma deċiżjoni ta’ poplu li ried jieħu l-pajjiż f’direzzjoni differenti. Ried ħelsien soċjali, ħelsien ekonomiku u ħelsien tal-ħsieb. Li ngħelbu l-preġudizzji tibqa’ l-bażi tar-rebħiet kollha li dań il-moviment jista’ jagħti lill-poplu tiegħu. Preġudizzji li kienu qegħdin ixekklu lill-poplu. Kien l-Partit Laburista li għeleb il-preġudizzju lejn in-nisa u bejn il-fqir u s-sinjur. Fil-libertajiet ċivili bqajna niġu l-ewwel u fil-quċċata tal-lista tal-pajjiżi. Iżda jien ma nħarisx lejn dawn it-13-il sena b’nostalġija. Inħares lejn għada u x’se nagħmlu aktar biex nagħtu aktar rispett u ugwaljanza”.
Se nwaqqfu Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem…il-Kabinett approva żewġ abbożz ta’ liġijiet li jħarsu d-drittijiet tal-adulti
Il-Prim Ministru, fid-diskors tiegħu iddikjara li l-ħidma tal-gvern wasslet biex tlesta x-xogħol biex se titwaqqaf l-ewwel Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem. Spjega li din hi Kummissjoni awtonoma li twieġeb biss lill-Parlament. Tenna li dan biex inkunu dejjem aktar it-tarka tal-individwu u biex inkunu soċjetà li twarrab kull forma ta’ diskriminazzjoni. Sfortunatament hemm pajjiżi oħra li qed ireġġgħu l-arloġġ lura.
Iddikjara li l-Kabinett għadu kif approva żewġ abbozzi ta’ liġijiet li jħarsu d-drittijiet tal-adulti vulnerabbli, b’Malta fost l-ewwel pajjiż li se tilleġiżla dan il-mudell.
Kompla jgħid li “tieni liġi hi dik tal-awtonomija personali li tissiġġilla id-dritt sagrosant li tieħu deċiżjonijiet importanti fuq ħajjitha hi stess. Liġi li tippromowi l-indipendenza lejn il-libertà tal-individwu. Dawn huma liġijiet li jħarsu lejn persuni b’diżabilità bħala ċittadini attivi u li għandhom valur x’jagħtu. Dan hu l-ħelsien li niċċelebraw.”
“Irridu nitkellmu fuq tip ta’ ħelsien ieħor”
Il-Prim Ministru kompla jgħid li “rridu nitkellmu fuq tip ta’ ħelsien ieħor jiġifieri ta’ kif se nżommu dak li ksibna. M’hemm xejn garantit. Pajjiżna qiegħed fid-dinja bħal pajjiżi oħra. Kollox jiddependi minn kemm pajjiżna se jibqa’ b’saħħtu u reżiljenti u protett mid-daqqiet li jiġu minn barra minn xtutna. Kemm se nkunu kapaċi naħtfu l-opportunitajiet ġodda. Illum hemm xokkijiet kbar minn barra imma hemm opportunitajiet kbar. Ippreżentajna pjan ta’ fejn sejrin, biex ulienda ukoll jibqgħu igawdu mill-paċi u stabbilità li ngawdu llum. Viżjoni Malta 2050 hi l-viżjoni li se tgħinna niksbu dan. Aħna gvern li nilqgħu id-daqqiet aħna u mela jassorubhom il-familja, jew il-fabbriki u n-negozji.”
Pjan biex min m’għandux bejt ikun jista’ jiġġenera l-enerġija
Il-Prim Ministru Robert Abela iddikjara fid-diskors tal-Ħelsien li “fil-ġimgħat li ġejjin il-gvern se jippreżenta viżjoni ħolistika dwar l-enerġija. Hawn il-poplu se jerġa’ jara gvern li jipproteġieh. Dan hu pjan li bdejna inwettquh diġa. 13-il sena pajjiżna kellu inqas minn 3 fil-mija minn eneġija rinnovabbli, illum tellajniha għal 17-fil-mija. 35MW u dik il-produzzjoni żidniha b’10 darbiet iżjed. Illum il-familja u l-industrija, jinvestu dejjem aktar u ngħinuhom, biex jiġġeneraw enerġija li tħammeġ inqas.
Proġett tax-Shore to Ship biex il-bastimenti ma jniġġżux. Issa jmiss li nagħtu aċċess lil kulħadd għal enerġija rinnovabbli għal dawk li ma jistgħux jiġġenerawha fuq il-bjut tagħhom.” Qal li dan hu pjan li se jara li l-enerġija rinnovabbli tkun aċċessibbli għal min m’għandux spazju fuq il-bejt. Jgħid li dan hu parti minn pjan li jrid jara li sal-2030 pajjiżna jiġġenera 25 fil-mija tal-enerġija tiegħu minn sorsi rinovabbli.
“Wettaqna wisq flimkien biex inħallu lill-forzi konservattivi jdaħħlu l-politika ta’ preġudizzji u jindaħlu lin-nies kif jgħixu l-ħajja tagħhom”
Il-Prim Ministru enfasizza li “l-għażla quddiem il-poplu hi ċara. Se nibqgħu nkunu pajjiż ta’ suċċess? Se nibqgħu inwettqu l-aspirazzjoni ta’ kulħadd? Illum f’din is-sena ta’ l-azzar tagħna, il-poplu qed jistenna mingħandna li nagħmlu wegħda li naħdmu kuljum u kemm nifilħu biex hekk kif aħna bqajna ngawdu mill-ħelsien, jibqgħu jgawduh uliedna. Wettaqna wisq flimkien biex inħallu lill-forzi konservattivi jdaħħlu l-politika ta’ preġudizzji u jindaħlu lin-nies kif jgħixu l-ħajja tagħhom.
Dak li ksibna irridu naħdmu biex ma jerġax jitreġġa’ lura. Irridu li dak li ksibna ikun garantit għal uliedna. Apparti li ksibna, fadlilna ħafna aktar x’inwettqu flimkien. Meta madwarna hawn daqstant taqlib u sfidi, ma jkun fadal ebda tarka għajr dik tal-politika progressiva. Għalhekk ejjew ħalli flimkien bħala poplu wieħed u magħquda li dejjem żammejna lil dan il-moviment ningħaqdu flimkien fil-ħalfa biex naħdmu għal Malta aqwa. Irridu nagħmlu il-missjoni tagħna li ngħaddu lil uliedna pajjiż b’saħħtu li bnejna flimkien u li jkun dejjem aktar b’saħħtu. Pajjiż li joħloq u jiġġenera l-ġid għal kulħadd fejn il-pajjiż ikun spalla ma” spalla miegħek.”

