Friday, July 26, 2024

Qatt ma aċċetta li ibnu jilbes in-nuċċali u ma kienx iħallih jilbsu

… omm tingħata l-kura u kustodja assoluta ta’ wliedha

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Familja laqgħet it-talba ta’ mara biex tingħata s-separazzjoni minn ma’ żewġha kif ukoll il-kura u l-kustodja assoluta taż-żewġt uliedha.

L-omm xehdet fil-Qorti waqt proċess ta’ separazzjoni minn ma’ żewġha, fejn qalet li kellha terfa’ r-responsabbiltà ta’ wliedha kollha waħidha għaliex apparti li żewġha kien ikun assenti f’ħajjithom, ma kienx jaċċetta ħafna affarijiet. Fost l-oħrajn, hija xehdet li wieħed mill-ulied kellu bżonn nuċċali, però, il-missier qatt m’aċċetta dan tant li ma kienx iħallih jilbsu. Hija qalet ukoll li meta binhom iż-żgħir kien qiegħed fl-ewwel sena tal-primarja, l-għalliema ġibdulha l-attenzjoni li għandu xi kundizzjoni u li kienu ssuġġerewlha li tieħdu s-CDAU. Hija saħqet li meta spjegat lill-missier b’dak li kienu qalulha mill-iskola, hu ma kienx aċċetta dan u saħansirta ħadha kontriha. Hija kellha tieħdu waħidha bil-moħbi ta’ żewġ fejn aktar tard irriżulta li t-tifel għandu l-kundizzjoni tal-ADHD.

Waqt il-proċeduri tas-separazzjoni, l-omm qalet li r-relazzjoni tagħhom bdiet fl-2007 u li ħames xhur wara ħarġet tqila minn din ir-relazzjoni. Fl-2009 hi ħarġet tqila bit-tieni wild, iżda l-omm tgħid li żewġha dak iż-żmien kien Spanja biex jirranġa d-dokumenti neċessarji sabiex ikun jista’ jiżżewwiġha. Hawnhekk hija xehdet li t-tieni wild kien ġie rreġistrat bħala ‘missier mhux magħruf’ u li hu minkejja li kien jaf b’dan qatt ma beda l-proċeduri biex dan ikun mniżżel fuq ismu.

L-omm qalet li l-missier meta kien isib xogħol qatt ma kien isaddad fih, tant li dejjem kienu jispiċċaw fuq il-benefiċċji soċjali u fuq l-għajnuna finanzjarja li kienu jagħtuha l-ġenituri tagħha. Fix-xhieda tagħha saħqet li wara li kellhom it-tfal, ir-raġel ma ħallihiex terġa’ tmur taħdem minkejja li l-flus baqgħu jkunu ta’ problema. Jirriżulta li żewġha fl-2017 kien fetaħ negozju fir-Renju Unit u minkejja li kienet qaltlu biex ma jagħmilx dan xorta waħda fetħu, bil-konsegwenza li kien jitlobha biex tibgħatlu l-flus biex ikun jista’ jgħix.

Fir-rikors li ressqet il-mara qalet li minkejja li kien hemm digriet li l-missier għandu jagħtiha €500 fix-xahar bħala manteniment għat-tfal li jinkludi wkoll l-ispejjeż tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-ekstrakurrikulari, huwa baqa’ jikser id-digriet ripetutament. Kienet okkażjoni waħda biss li fiha kien għaddielha s-somma ta’ €120.

Fil-Qorti ntqal li missier it-tfal kien telaq minn Malta minkejja li kienu għaddejjin bil-proċeduri tas-separazzjoni. Hu kien telaq minn pajjiżna mingħajr lanqas biss sellem lil uliedu. L-omm qalet li r-relazzjoni bejn il-missier u l-ulied kienet waħda ħażina ħafna meta kien għadu Malta tant li t-tfal kienu jibżgħu jkellmuh u kienu jitwerwru bl-għajjat tiegħu.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti tal-Familja, ippreseduta mill-Imħallef Jacqueline Padovani Grima, laqgħet it-talba tal-omm biex tingħata s-separazzjoni minn ma’ żewġha, kif ukoll tatha l-kura u l-kustodja assoluta ta’ wliedha. Il-Qorti ordnat lir-raġel biex b’mod immedjat jgħaddi l-mantenimenti kollha dovuti lit-tfal skont id-digriet mogħti aktar qabel.

Ekonomija

Sport