Nistaqsu dwar jekk il-pressjoni mill-Knisja fuq il-Partit Nazzjonalista u l-qrubija li hemm, dik se tibqa?
Għal dan Dr Delia iwieġeb li “se inwieġbek prima persona. Tmien snin fil-politika u tlett snin immexxi l-Partit Nazzjonalista. Qatt ma ħassejt, sibt jew rajt xi pressjoni la mill-Knisja u biex inkun onest mingħand ħadd. Il-politika tal-PN nemmen li jagħmilha l-PN biss. Hemm organi b’saħħithom statutorji li jiddeliberaw fuq il-politika, li hu l-eżekuttiv u l-politika tal-PN għandha ssir mill-Eżekuttiv.”
Staqsejnieh dwar il-fatt li waħda mill-isfidi kbar li se jkollu jiffaċċja jekk tkun elett kap tal-PN hi diversi qasmiet li hemm fi ħdan l-istess partit. “Kien hemm attivisti li fuq siti soċjali kitbu kliem bħal “il-firda tiġi minn min jahseb li hu akbar mill-partit’ u anke allegaw li Alex Borg ma żammx ma’ ftehim. Ma tarax li din l-għaqda fi ħdan il-PN saret kważi impossibbli li sseħħ? Tara l-possibilità li l-PN jista’ jispiċċa jinqasam kif kien hemm min indika li jista’ jiġri?
Dr Delia jgħidilna li “naħseb li hi possibbli anzi imminenti li fis-7 ta’ Settembru, ikun min ikun kap il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jingħaqad. Jien se nkun ċar miegħek. Jien twarrabt minn kap tal-Partit Nazzjonalista. Għamilt ħames snin naħdem qatigħ bla mistrieħ biex dak li nemmen fih nibqa’ nimbuttah, nixprunah u ninsisti għalih. Jekk kien hemm ġest ta’ kif kellu jingħaqad partit hu li jien ġibt l-ewwel il-pajjiż u l-partit. Dan sewa qatigħ biex l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista ġiet ristrutturata u konvint li wara dan l-eżerċizzju ikun hemm kap wieħed li warajh se jimxi l-Partit kollu.”