Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li huwa ilu 17-il sena fil-Parlament u li din għalih kienet ir-raba’ leġiżlatura. Però, huwa rrikonoxxa li qatt qabel ma kellna Oppożizzjoni daqshekk negattiva u vendikattiva.
“Qatt ma konna hekk. Għandna għalfejn inkunu hekk?,” kompla jistaqsi l-Ministru Falzon. “Hawn uħud tiddejjaq tħares lejhom għax ir-reazzjoni ta’ xi wħud tant hija negattiva, li inkredibbli.”
Huwa qal li din il-klima ta’ odju, mibegħda u li kważi kważi ma tistax titkellem, mhijiex se tawgura tajjeb. Appella lill-Kap tal-Oppożizzjoni illi jieħu ċertu żbriga, fejn hemm bżonn li jkun hemm pożizzjoni differenti min-naħa l-oħra jekk irridu niddiskutu aktar. U possibbli niddiskutu. “Imma żgur mhux possibbli niddiskutu jekk se nibqgħu ċertu attitudnijiet minn ċertu individwi li jridu jinterrompu l-ħin kollu.”
“Din hija mozzjoni mistħoqqha. Ma tistax ma tiċċensurax aġir bħal dak. Ma tistax ma turix solidarjetà mal-Ispeaker. Ma tistax illi ma tesprimix id-diżapprovazzjoni. Araw il-filmati. Dawn huma nies li tilfu l-aħħar elezzjoni b’40,000 vot. Immaġinawhom qatt xi darba jkunu fuq din in-naħa tal-Kamra,” temm jgħid il-Ministru Falzon.