Thursday, February 26, 2026

‘Qatt ma kont naħseb li se nasal nagħmel maratona f’ħajti … peró telefonata biddlet kollox’ – Matthew Psaila

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Minn dejjem kont attiv u nħobb l-isport peró l-imħabba tiegħi għall-atletika bdiet meta l-ħabib tiegħi Donald Caruana kien inkoraġġieni bis-sħiħ biex ningħaqad mal-Evolve Endurance Club. L-atletika tippermetti l-flessibiltá ta’ x’ħin tista’ tittrenja u din fil-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum hija importanti ħafna. L-atletika tgħallmek tkun reżiljenti u dixxiplinat u li l-affarijiet biex jiġru trid vera taħdem għalihom.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq il-parteċipazzjoni tiegħek matul l-aħħar edizzjoni tal-Maratona ta’ Seville fi Spanja?

Il-Maratona huwa avveniment sportiv li jirrikjedi ħafna sigħat ta’ taħriġ u dixxiplina. It-taħriġ jieħu prijoritá kif ukoll trid tieħu ħsieb tajjeb tal-ġisem biex ikun jista’ jagħmel ir-‘recovery’ kif suppost. Qatt ma kont naħseb li ħa nasal nagħmel maratona f’ħajti, peró telefonata biddlet kollox, li nbidlet f’memorja sabiħa ħafna fejn lestejt l-Maratona ġewwa Seville f’ħin ta’ 2:56:53.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-atletika preżenti f’pajjiżna jidher li kulma jmur dejjem qed jogħla. Tħares ftit fl-aħħar snin riċenti, tinduna li anke ħafna rekords nazzjonali ġew miksura b’iżjed minn darba.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrgu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Bħala infrasstruttura għal dan l-isport, inħoss li fadlilna ħafna x’nistgħu nirranġaw u anke fil-mentalitá. Ħafna mill-ġiri u t-taħriġ tagħna jsir fit-triq fejn l-infrastruttura mhijiex pjanata għal dan u anke mhux dejjem niġu rispettati mis-sewwieqa.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Il-messaġġ tiegħi hu li l-atletika jista’ jiprattikaha kulħadd, f’kull etá u tista’ ssir fi kwalunkwe ħin. Nirrakkomanda bis-sħiħ li jkunu paċenzjużi għar-riżultati, għax dawn ovvjament jiġu mal-ħin u mhux mal-ewwel. Anke jekk dan l-isport ma jiġix prattikat biex tikkompeti, l-atletika huwa investiment għalik u għal saħħtek … li tista tiġri diġá huwa rebħ!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport