Friday, November 15, 2024

“Qatt ma nikkuntentaw b’dak li għamilna f’dan is-settur”

Aqra wkoll

Meta kien qed jitkellem dwar il-Budget għas-sena d-dieħla, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima qal li dan se jkun wieħed rekord għal dan il-Ministeru, b’allokazzjoni totali ta’ €910 miljun, li tfisser żieda ta’ €95 miljun fuq il-budget għal din is-sena.

Huwa ddeskriva l-Budget 2024 bħala wieħed soċjali, li jaħseb fil-faxex kollha tas-soċjetà. Fost miżuri oħrajn li għamel referenza għalihom hemm l-allowance speċjali ta’ €500 fis-sena għal tliet snin għal dawk li jkomplu l-edukazzjoni wara l-età obbligatorja, iż-żieda ta’ €64 fis-sena fl-istipendji għall-istudenti filwaqt li se jkomplu jiżdiedu l-istipendji f’korsijiet partikolari u se jibda l-proċess preliminari biex jitwaqqaf mill-ġdid l-Istitut tas-Snajja.

Dan filwaqt li l-budget se jsaħħaħ il-programmi ta’ scholarships u tax credits għall-istudenti. Il-Ministru Grima kompla billi qal li rridu nagħfsu fuq ir-realtajiet differenti li pajjiżna, bħall-bqija tad-dinja qed jaffaċċja u li setturi bħal dawn ikunu attrezzati b’tali mod li jkun hemm l-għodod kollha neċessarji sabiex uliedna jkollhom l-aqwa ħiliet u jiksbu suċċess fil-ħajja tagħhom.

Huwa tkellem dwar ix-xogħol li sar f’diversi skejjel madwar il-pajjiż fosthom fir-Rabat fejn sar rinovar, estensjoni u faċilitajiet ġodda li se jgawdu minnhom it-tfal u anke l-edukaturi. “Qatt ma nikkuntentaw b’dak li għamilna f’dan is-settur u rridu nibqgħu naħdmu sabiex inkomplu ninvestu aktar,” qal il-Ministru Grima.

“Fin-Nadur urejna lid-dinja x’inhi l-viżjoni tagħna għat-tfal. Fatti li ma jista’ jmerihom ħadd. Faċilitajiet mill-aqwa għat-tfal tagħna. Dan hu l-mudell li rridu nirreplikaw. Dwar il-litteriżmu, il-Ministru Grima qal li “se nkomplu nagħmlu enfasi fuqha għax nemmnu li jekk tifel/tifla tagħtihom l-għajnuna fi stadju bikri fil-perkors edukattiv tkun tista’ tassigura li tilħaq l-iżvilupp sħiħ tagħhom.”

Huwa għamel referenza wkoll għat-tluq bikri mill-iskola u hawn innota kif qabel l-2013 ir-rata ta’ early school leavers kienet ta’ 21% mentri llum ir-rata hi ta’ ftit aktar minn 10%. Minkejja dan, il-Ministru Grima nsista li jridu jkomplu jaħdmu sabiex din ir-rata tkompli tonqos.

Ekonomija

Sport