Sunday, December 22, 2024

“Qatt ma nista naċċetta l-idea jew l-impressjoni li l-isport f’pajjiżna huwa kollu korrott”

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u l-sports Clifton Grima

Aqra wkoll

Fil-winding up tad-dibattitu parlamentari b’rabta mal-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Governanza Sportiva u l-Integrità fl-Isport, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima saħaq li qatt ma jista jaċċetta l-idea jew l-impressjoni li l-isport f’pajjiżna huwa kollu korrott. Dan għaliex fi kliemu stess inkunu qed inwasslu messaġġ li mhuwiex veritier.

“Għal darba oħra nerġa’ nagħmel l-appell b’mod ġenwin li min ikollu informazzjoni dwar aspetti irregolari fi kwalunkwe forma f’dak li għandu x’jaqsam il-qasam sportiv u r-riżultati f’dan l-istess qasam għandu l-faċiltà kollha li jmur jagħmel ir-rapport tiegħu,” qal il-Ministru Grima.

“Jekk wieħed jidħol ifittex u jara kemm kien hemm każi li tressqu quddiem il-Qrati ta’ pajjiżna u kellek anke sentenzi ta’ priġunerija effettivi fejn kien hemm manipulazzjoni hemm wieħed jifhem li l-istampa mhix dik li ġiet impinġija hawn min-naħa tal-Oppożizzjoni.”

Huwa kompla jgħid li jinsab ċert li kull min għamel intervent f’dan id-dibattitu għandu għal qalbu l-isport. Kif qal li jinsab ċert li jekk se jaħdmu id f’id, dan is-settur jistgħu jibqgħu jikbru fih u javvanzaw fih.

Qal li l-fatt li qed nimxu mal-kodiċi internazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam mad-doping, u meta naraw li pajjiżna qed ikun ta’ eżempju għal pajjiżi oħra, dan minnu nnifsu huwa messaġġ ċar daqs il-kristall li anke f’dan il-qasam nistgħu nkunu mexxejja. “Dak li qed nipproponu huwa turija ċara li mexjin fit-triq it-tajba,” tenna l-Ministru Grima.

“B’aktar investiment sportiv tkun qed ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies” – il-Ministru Miriam Dalli

Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli qalet li l-isport huwa wieħed mill-aktar attivitajiet pożittivi li jgħaqqdu lill-komunitajiet flimkien. Huwa wkoll wieħed mill-aħjar metodi kif nistgħu niżguraw il-ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali tan-nies tagħna, miż-żgħar sa dawk akbar fl-età.

Il-Ministru Dalli żiedet tgħid li f’kull proġett li qed isir, qegħdin jiddiskutu mal-komunità biex b’hekk jaraw il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-komunitajiet tagħna għal spazji miftuħa fil-lokalitajiet tagħhom u ħafna drabi fost il-proposti mressqa jkun hemm il-faċilitajiet għat-taħriġ u l-ipprattikar ta’ dixxiplini sportivi differenti.

Semmiet fost oħrajn il-faċilità għat-taħriġ tal-obstacle course racing fil-Park ta’ San Klement, filwaqt li l-ġnien li se jsir fil-qalba ta’ Bormla se jinkludi fih faċilitajiet għal dawk li jipprattikaw il-parkour u spazji għat-tfal b’logħob u tagħmir ieħor għal ħajja attiva sew għaż-żgħar u anke għall-kbar b’outdoor gym.

“Se nkomplu nżidu l-ispazji miftuħa għax bi proġetti bħal dawn qed nilħqu mira ewlenija għas-sostenibilità ta’ pajjiżna Dan il-Gvern minn dejjem poġġa fuq quddiem l-interess tal-oqsma sportivi. Il-Gvern investa bis-sħiħ f’ħafna faċilitajiet sportivi għax nemmnu li b’aktar investiment sportiv tkun qed ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies,” temmet tgħid il-Ministru Dalli.

Ekonomija

Sport