Wednesday, November 26, 2025

“Qatt ma ppruvajt ninfluwenza jew ninvolvi ruħi fit-tmexxija ta’ Malita plc”

- Il-Ministru Galdes 

Aqra wkoll

Wara l-‘company announcement’ li ħarġet illum mill-Malita Investments plc, il-Ministru Roderick Galdes qal b’mod ċar u kategoriku li qatt ma pprova jinvolvi ruħu jew jinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-kumpanija, u li kull insinuazzjoni f’dik id-direzzjoni hija kompletament żbaljata.

L-istqarrija tal-kumpanija kkonfermat li l-Bord tad-Diretturi kollu nklużi d-diretturi privati li ilhom jaqdu f’din il-kariga għal dawn l-aħħar erba’ snin qed jiċħdu b’mod assolut kwalunkwe allegazzjoni ta’ interferenza mill-Ministru. Il-Bord enfasizza li d-deċiżjonijiet dejjem ittieħdu b’mod indipendenti u skont l-aqwa prinċipji ta’ governanza tajba.

F’reazzjoni, il-Ministru Galdes qal li mhux se jippermetti li xi ħadd “jitfa’ tajn fuqu” jew ipoġġi f’ħafna azzjonijiet jew intenzjonijiet li qatt ma seħħew. “Ma naċċettax, u qatt ma se naċċetta, li jinkixef argument jew stejjer foloz biex tintuża kontra tiegħi. Il-fatti huma ċari, u jien nibqa’ ngħidhom kif inhuma,” sostna l-Ministru.

Huwa żied li kull komunikazzjoni tiegħu mal-kumpanija kienet dejjem immexxija mill-interess pubbliku u mill-ħtieġa li l-proġetti tal-akkomodazzjoni pubblika jimxu b’ritmu aċċettabbli għall-familji li qed jistennewhom. “Ix-xogħol tiegħi nagħmlu b’serjetà, b’determinazzjoni u b’trasparenza, u ħadd mhu se jimmina l-integrità tiegħi,” tenna.

Fl-aħħar nett, il-Ministru rringrazzja lil dawk kollha li f’dawn is-sigħat bagħtulu messaġġ ta’ kuraġġ u solidarjetà, u qal li l-appoġġ tagħhom jagħtih is-saħħa biex ikompli jwettaq il-missjoni tiegħu fil-Gvern.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport