Thursday, June 12, 2025

‘Qatt ma stennejt li nirbaħ l-unur tal-aqwa goalkeeper tat-tournament u kburi li kelli votazzjoni maġġura minn kowċis barranin’ – Marvin Grixti

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-hockey?

Il-hockey bdejtu permezz ta’ missieri. Kien iltaqa’ ma’ membru tal-Floriana Young Stars HC li dak iż-żmien kien għadu qed jilgħab u qabdu jitkellmu bejniethom. Dan il persuna kien semmielu li jittrenja l-hockey u missieri ħa interess mal-ewwel għax ħija ż-żgħir kellu interess jibda dan l-isport. Meta beda ħija kien qalli li mistgħagbin kemm kien ħa gost u mill-ġimgħa ta’ wara bdejt nilgħab jien ukoll. 

U għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?

Il-pożizzjoni ta’ goalkeeper kont għażiltha meta ġejt imħajjar biex nibda nilgħab il- hockey u kif rajt goalkeepers oħra jittrenjaw u jilagħbu kienu affaxxinawni tassew.

X’tikkummenta fuq l-aħħar esperjenza ta’ suċċess li kellkom barra minn Malta bħala Floriana Young Stars HC, fejn int ġejt ivvutat ukoll bhala l-aqwa goalkeeper tat-tournament?

L-esperjenza mal-klabb barra minn xtutna din is-sena kienet waħda li tista’ tgħid storika għall-fatt li ġejna promossi għaċ-Challange 1. Din hija l-ewwel darba li klabb Malti tela’ jikkompeti f’dan il-livell. Kienet ta’ xokk għat-tim sħiħ li rbaħt l-unur tal-aqwa goalkeeper tat-tournament … jien personali ma stennejtha qatt u kburi li kelli votazzjoni maġġura minn kowċis barranin. 

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul l-istaġun li għadda?

L-istaġun li għadda kien wieħed ferm negattiv għat-tim tagħna, għaliex fih kellna ammont kbir ta’ injuries, plejers li ma setgħux jilagħbu minħabba raġunijiet personali eċċ. Nisperaw li l-istaġun li ġej ikun ta’ suċċess għalina u nibqgħu nżommu il-momentum.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

Fil-karriera tiegħi bħala suċċessi maġġuri mat-tim irbaħt iċ-Challenge Cup  u kampjonat. B’mod personali, l-unur persinali li ksibt barra minn xtutna fil-jiem li għaddew, kienet l-ewwel darba li ksibt suċċess bħal dan.

Kif tqis il-livell tal-hockey f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-hockey f’pajjiżna mhuwiex xi livell għoli bħal m’hemm barra minn Malta peró issib plejers f’Malta li huma ta’ livell għoli bħal ta’ barra minn xtutna. F’Malta difficli tgħolli l-livell tal-hockey meta tittrenja f’pitch li qiegħed fi stat ħażin. 

U dak tar-riżorsi (court) fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Ir-riżorsi tal-Kumpless tal-Hockey f’Kordin huma limitati ħafna minħabba nuqqas ta’ flus. Nemmen li l-Gvern u SportMalta għandhom juru interess f’dan l-isport għax bħala Maltin għandna fejn nikbru mingħajr ma mmorru barra minn xtutna.

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?

Permezz ta’ dawn it-tournaments li qed nieħdu sehem fihom barra minn xtutna, il-mentalitá kemm ta’ plejers Maltin kif ukoll ta’ kowċis Maltin qed togħla bl-esperjenza.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-hockey?

Bħala futur tiegħi fil-hockey minn dejjem xtaqt nittrenja ma’ tim barra minn xtutna biex inkompli ngħolli l-livell tiegħi. Qed nagħmel arranġamenti biex dan iseħħ u b’hekk inkonpli nikber f’dan l-isport. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-hockey.

Messaġġ għal min jixtieq jibda jilgħab il-hockey: issa hu ż-żmien perfett li tibda! Il- hockey hu sport eċċitanti li jsaħħaħ il-fiżiku u jgħinek tagħmel ħbieb ġodda. Mhux importanti jekk qatt ma lgħabt – kulħadd jibda minn x’imkien. Fittex klabb lokali u pprova. L-importanti hu li tieħu gost u tibqa’ attiv!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport