Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn meta kont zgħir. Missieri minn dejjem kien isegwi l-futbol u saħansitra kien jilgħab il-futbol ukoll. B’hekk jiena kbirt f’ambjent sportiv u bdejt nilgħab il-futbol minn ta’ etá zgħira ħafna u bqajt dejjem inħares lejn il-futbol b’passjoni kbira.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Fgura United FC.
Din kienet l-ewwel sena tiegħi mat-tim ta’ Fgura United kif ukoll l-ewwel sena tiegħi fil-BOV Challenge League. M’għandi xejn xi ngħid ħlief kliem ta’ tfaħħir dwar il-klabb ta’ Fgura United, klabb serju li laqgħani mil-bidu u għinni nikber ħafna bħala plejer, kif ukoll bhala bniedem f’din is-sena li għaddiet.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Kevin Vella?
Wara sena naħdem mal-kowċ Kevin Vella, nista’ ngħid kemm huwa kowċ bravu, dedikat u professjonali. Jgħinna ħafna bħala plejers fuq diversi livelli — fiżikament, tattikament u mentalment. Hu kowċ li kapaċi joħroġ l-aħjar minn kull plejer u għandu mentalità rebbieħa li taghti motivazzjoni kbira lit-tim. Jien kuntent ħafna li se nkun nista’ naħdem miegħu wkoll din is-sena, għax taħt il-gwida tiegħu nista’ nkompli nitjieb u nikber aktar bħala plejer.
U fuq il-kumitat immexxi mill-president, Larkin Bonnici?
Il-kumitat immexxi mill-president Larkin Bonnici huwa grupp ta’ nies umli li verament iħobbu l-klabb u jagħmlu xogħol volontarju biex jaraw lill-klabb li tant iħobbu jimxi ’l quddiem, mingħajr ma jistennew xi ħaġa lura. Huma jgħinu lit-tim b’kull mezz possibbli.
Il-president Larkin Bonnici hu raġel ħabrieki ħafna, li jaħdem bla heda biex itejjeb il-klabb f’kull aspett, kemm fil-grawnd kif ukoll barra minnu.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun li għadu kif jibda?
Din is-sena, l-objettiv tagħna hu li nkunu kompetittivi mal-aqwa timijiet f’din id-diviżjoni u niksbu post mat-Top 8, u mbagħad nimxu ’l quddiem minn hemm. Naħseb li qegħdin sejrin fid-direzzjoni t-tajba u, b’hafna ħidma u dedikazzjoni, nistgħu nilħqu l-għanijiet tagħna.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Bħalissa l-unika ħaġa f’moħħi hi li jkolli staġun ta’ suċċess ma’ Fgura United. Madankollu, jien nimmira li nibqa’ nimxi ’l quddiem u nitjieb bħala plejer billi negħleb l-isfidi u nilħaq livelli għoljin permezz ta’ hafna ħidma u dedikazzjoni.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Lil kull min jixtieq jirnexxi fil-futbol, qatt m’għandek tieqaf toħlom u aħdem ħafna. Jekk temmen fik innifsek, tista’ tilħaq livelli għoljin. Importanti li ma taqtax qalbek f’sitwazzjonijiet diffiċli, iżda tibqa’ taqdef u taħdem bis-sħiħ sabiex tegħleb dawk l-ostakli!