Friday, December 27, 2024

“Qatt mhu se ninsa kemm kont viċin li mmut…”

Aqra wkoll

Esperjenza ta’ Awstraljana li rebħet il-battalja kontra l-kanċer tal-frixa tirringrazzja ‘l Alla li għadha ħajja

Minn Carmen Cachia

Il-marda tal-kanċer hija t-tieni tal-aktar marda qattiel fid-dinja wara dik bil-komplikazzjonijiet fil-qalb. Medja ta’ persuna minn kull tlieta xi darba f’ħajjitha jkollha tiffaċċja l-aħbar kerha li għandha xi tip ta’ kanċer u minn dakinhar ħajjet ta’ dak li jkun tinqaleb ta’ taħt fuq mimlija inċertezzi u trattament li fl-aħħar mill-aħħar mhux dejjem jagħtu garanzija ta’ fejqan. Heather Green hija mara ta’ 51 sena li tgħix fl-inħawi ta’ Mildura f’Victoria, fl-Awstralja li qasmet ma’ Inewsmalta l-esperjenza iebsa, iżda rebbieħa, li kellha wara li ġiet djanjostika bil-kanċer tal-frixa. Għaliha din l-aħbar kienet daqqa ta’ ħarta akbar minħabba li ftit ta’ snin qabel, oħtha kienet mietet kawża tal-istess tip ta’ kanċer.

Bħala ġenitur waħidha ta’ tlett itfal, żewġ subien u tifla, Heather tistqarr li l-aħbar li ħadet ħames snin ilu werwritha. “Mort għand it-tabib tiegħi minħabba li ma stajtx nieqaf nirreġetta u kien hawn li ddeċieda li jibagħtni l-isptar fuq suspett ta’ pankreatite. Saruli għadd ta’ testijiet u jumejn wara qaluli li għandi kanċer tal-frixa. Ħassejt id-dinja se taqa’ fuqi u dwejjaq kbar minħabba li oħti kienet mietet bil-kanċer tal-frixa ftit tas-snin qabel,” bdiet tirrakkonta din il-mara.

Poġġejna flimkien u bkejna flimkien…

Hija qalet li wara li ħarġet mill-isptar marret għand it-tabib tagħha fejn flimkien fasslu pjan ta’ trattament li kien jinvolvi tliet operazzjonijiet fi sptar speċjalizzat – il-Peter Macullum Cancer Hospital f’Melbourne. “Il-ħsibijiet li kienu jgħaddu minn moħħi kienu tal-biżgħa u l-ħin kollu għaddejjin. Kont qiegħda nibża’ li se mmut u għalhekk poġġejt mat-tfal u għidtilhom b’kollox. Naħseb li din kienet l-aktar ħaġa diffiċli li qatt kelli nagħmel f’ħajti iżda ħassejt li kellhom dritt li jkunu jafu l-verità. Poġġejna flimkien u bkejna flimkien,” stqarret Heather.

Hija qalet li xahrejn wara wasal il-jum tal-operazzjoni fejn tiftakar li meta qamet mill-oppju, kienet miġugħa mmens. Fl-intervent il-kirurgi kellhomm ineħħu tliet kwarti tal-frixa u milsa ta’ Heather bil-konsegwenza li llum il-ġurnata m’għandiex immunità fil-ġisem. Minħabba f’hekk, minn dakinhar tal-operazzjoni sal-bqija ta’ ħajjitha din il-pazjenta Awstraljana għandha bżonn li tingħata drip apposta biex jagħtiha protezzjoni immunitarja.

Naf li dan it-tip ta’ kanċer huwa sentenza tal-mewt u li huma ftit in-nies li jfiequ minnu…

“Meta qomt mill-operazzjoni ma stajtx niċċalaq bl-uġigħ kbir li kelli u tant kont imbeżża’ li ħassejt l-istonku ta’ taħt fuq. Ma’ kull jum li beda jgħaddi, bdejt inħossni aħjar sakemm irkuprajt biżżejjed biex imur lura d-dar. Kont eċċitata ħafna u niftakar li qatt ma kont ferħana li nara ajruport sakemm wasal dak il-jum li naqbad ajrupaln biex immur lura d-dar f’Mildura,” qalet Heather.

“Il-fatt li għadni ħajja jimlini bil-ferħ”

Din il-pazjenta qaltilna li mal-wasla tagħha hija nfaqgħet tibki bil-ferħ għax reġgħet inqagħdet mal-familja u l-ħbieb tagħha. Żiedet tgħid li, “huwa minnu li ta’ kull xahar għandi bżonn nagħmel trattament biex nibqa’ b’saħħti imma l-fatt li għadni ħajja jimlini bil-ferħ u ma niddejjaqx nieħu d-drip. Jien sempliċiment kuntenta se ntir li għadni ħajja għax naf li dan it-tip ta’ kanċer huwa sentenza tal-mewt u li huma ftit in-nies li jfiequ minnu, li hija ħasra kbira”. 

Heather, li fortunatament m’għandhiex bżonn tagħmel it-trattament bil-kimo, qaltilna li issa qiegħda tgħix ġurnata b’ġurnata u tgawdi l-ħajja kommpletament. “Qatt ma se ninsa kemm kont viċin li mmut. Il-ħajja hija l-isbaħ rigal u qatt ma kien jirnexxieli nerbaħ din il-battalja kieku ma kienux l-għeżież uliedi li tant għamluli kuraġġ u talbuni biex nerbaħ lill-kanċer li kelli. Huma l-ispirazzjoni tiegħi kemm f’din il-battalja għal ħajti, kif ukoll fil-bqija ta’ dak kollu li niffaċċja f’ħajti. Ommi wkoll għenitni mmens f’dawn iż-żminijiet diffiċli,” temmet l-Awstraljana.

L-istorja pożittiva u ta’ kuraġġ ta’ Heather Green tagħtina stampa aktar reali ta’ x’tgħaddi minnu persuna meta tkun djanjostikata bil-kanċer. Hija, minkejja li tinsab kontinent ‘il bogħod, aċċettat li taqsam dak li għaddiet minnu bil-għan li tgħin lil kull min għaddej minn għawġ kbir fis-saħħa bħalma kellha hija u tisħaq li l-bniedem ma jridx jaqta’ qalbu u għandu jiġġieled kemm jiflaħ għal ħajtu għax “fl-aħħar mill-aħħar il-ħajja hija sabiħa u ta’ min jgħixha għal kemm jista’ jkun żmien u bl-aħjar mod possibbli”.

Ekonomija

Sport