Minn Cristian Muscat
Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sport ieħor?
Minn età żgħira, l-isport dejjem kien parti kbira minn ħajti. Minkejja li ppruvajt diversi sports oħra, l-atletika dejjem kienet l-iktar waħda favorita tiegħi. Għażilt l-atletika għax kont dejjem nara lil ommi tagħmilha u kienet tispirani ħafna. Dejjem xtaqt insir champion bħalma hi kienet, u għalhekk komplejt insegwi dan l-isport b’aktar dedikazzjoni u passjoni.
X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?
L-iktar persuna li ħeġġitni nibqa’ f’dan l-isport hija ommi, għax dejjem imotivattni biex nibqa’ nagħmlu. Iktar ma għadda ż-żmien, iktar bdejt inħobb l-atletika u nifhem kemm dan l-isport ifisser għalija.
Liema unuri prinċipali irnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek?
Matul il-karriera tiegħi irnexxieli nikseb diversi unuri. Peró, l-iktar unur importanti għalija huwa li rbaħt l-Atleta tas-Sena fil-Middle Distance.
Liema kien l-aħjar riżultat tiegħek sa issa?
L-aħjar riżultat li kelli s’issa huwa li kkompetejt fl-EAP ġewwa Malta u rnexxieli nikseb il-ħin ta’ 2:24 fil-800m u rnexxieli nirbaħ l-unur tal-Atleta fil-Middle Distance tas-Sena b’dan il-ħin. Nixtieq nirringrazzja lill-kowċ tiegħi, Kevin Galea, li għenni nikseb dan ir-riżultat li ilna naħdmu għalih għal żmien twil.
Il-media tagħtikom biżżejjed pubbliċità u exposure jew dan isir waqt kompetizzjonijiet importanti bħall-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?
F’Malta, il-media kibret ħafna u qed tagħti ħafna iktar exposure u pubbliċità lill-atleti żgħar kif ukoll lill-atleti kbar.
Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?
Il-ħolma li nixtieq nikseb fl-atletika hija li nikkwalifika għall-Logħob tal-Pajjiżi Ż-Żgħar fi żmien sentejn oħra.
Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, jidħol ukoll sens ta’ kompetizzjoni? X’tikkummenta?
Waqt il-kompetizzjoni, aħna dejjem ngħinu lil xulxin biex niksbu dak li qed nittrenjaw għalih.
X’kompetizzjonijiet prinċipali se tkun qed tieħu sehem fihom fil-futur qrib?
Qed nipprepara għal-Lee Valley Indoor Games.
Għaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis-serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika.
Nixtieq ngħaddi messaġġ lil dawk li qed jinteressaw ruħhom jidħlu fl-atletika: qatt taqta’ qalbek u ibqa’ motivat biex tikseb il-ħolm tiegħek!

