Friday, November 1, 2024

Qatt tfittxu qligħ għal skapitu tad-dinjità tagħkom jew ta’ ħaddieħor

- L-Arċisqof Charles J Scicluna lill-gradwati ġodda

Aqra wkoll

 Waqt quddiesa mal-gradwati l-ġodda tal-Università ta’ Malta, liema quddiesa saret fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof Charles Scicluna appella lill-gradwati l-ġodda biex ikollhom sens qawwi ta’ ġustizzja lejn il-ġenerazzjonijiet li se jiġu warajna.

Staqsa lill-istess gradwati x’dinja se jħallu lil ta’ warajhom, filwaqt li saħaq li dak qegħdin nagħmlu llum għandu impatt mhux biss fuqna imma wkoll fuq dawk li se jiġu warajna. Iddikjara l li bl-istess mod li l-ġenerazzjonijiet tal-lum wirtu t-tajjeb u l-ħażin minn ta’ qabilna, hekk ukoll se jagħmlu dawk li jiġu warajna bid-deċiżjonijiet li jiddependu minnha llum. Spjega li din hija kwistjoni ta’ ġustizzja interġenerazzjonali.

Mons Scicluna qal li “għamilna biss dak li kellna nagħmlu” (Lq 17:10). X’qed jipprova jgħallimna Ġesù, meta jgħidilna, intom qaddejja, dan hu li għandu jiddistingwikom. It-titlu li għandkom tippreferu, huwa li intom issejħu lilkom infuskom qaddejja. Faċli tgħidha, imma mhux daqshekk faċli tgħixha. Għaliex hemm valuri hemm barra, jekk nistgħu nsejħulhom valuri, u mhux diżvaluri, li qabel ipoġġu l-qligħ, il-prestiġju, il-poter.

Li huma l-antitesi, kollox bil-maqlub li tkun qaddej. Il-kelma li nafdalkom illum, intom u tifirħu, fil-jum tal-gradwazzjoni tagħkom, hija li f’kulma tagħmlu, f’kull persuna li tiltaqgħu magħha, fil-kollegi tal-professjoni, tax-xogħol, tal-qasam tal-arti, tas-snajja’. Kull fejn tkunu, kull fejn taħdmu, kull fejn ikun hemm l-impatt u l-ħidma tagħkom, tħarsu lejn xulxin, u tkunu ta’ servizz.”

Tenna li “metatkun qaddej, ma jfissirx li tkun servili, imma li tingħata bi spirtu ta’ servizz. Nawguralkom tkunu ta’ servizz għall-pajjiżna, tkomplu tiżviluppaw, għax it-tama tiegħi hija li l-Università, li hija l-alma mater tagħkom illum, tagħtkom dan id-don, nispera u nawgura, li jkollkom sens kritiku. Jekk tridu tkunu ta’ servizz għal pajjiżna, kunu nies li tħaddmu l-intelliġenza tagħkom bi spirtu kritiku ta’ dixxerniment li jagħżel it-tajjeb mill-ħażin, is-sewwa mill-gideb, dak li hu ġust mill-inġustizzja.”

Kompla jgħid li “hemm il-ġustizzja interġenerazzjonali, li għandha tfakkarna li l-qadi tagħna, mhix xi ħaġa biss li għandha impatt illum, imma anke fil-ġejjieni. Il-Mulej jagħtikom id-dehen u l-għerf, li tagħmlu għażliet tajbin. L-għażla etika hi dik, li tħaddan it-tajjeb u tevita l-ħażin.

Il-fundament ta’ kull tajjeb, apparti l-fidi tagħna hi, li tilmaħ fil-proxxmu x-xbieha ta’ Alla, hija d-dinjità ta’ kull bniedem. Int min int, int xi tkun ’il quddiem, nawguralkom suċċess, li tkunu don għal pajjiżna. Qisu li tiddedikaw ruħkom b’servizz. Il-qligħ hu importanti, li jkollok x’tiekol u x’titma’ lil uliedek hu essenzjali; imma qatt tfittex qligħ a skapitu tad-dinjità tiegħek jew id-dinjità ta’ ħaddieħor.

Ġesù jistedinna biex inkunu parti mill-avventura ta’ xi ħadd li jibni dinja aħjar. Meta nara siġra, nifhem li xi ħadd żeragħha qabli, saqqieha qabli, li ra tikber, u li gawdiha bħalma qed ingawdiha jien. Meta ma tibqax hekk, inħossni tlift ħabib jew ħabiba.

Jalla jkollkom ukoll din is-sensibilità, mhux biss għall-kultura tagħna u għall-wirt storiku tagħna, imma wkoll għal sens ta’ ġustizzja qawwi, fil-konfront ta’ ġenerazzjonijiet li se jiġu warajna. X’dinja se nħallu lil ta’ warajna? Dak li qegħdin nagħmlu issa, illum, għandu impatt mhux biss fuqna, imma wkoll fuq ta’ warajna.

U kif aħna writna t-tajjeb u l-ħażin minn ta’ qabilna, hekk se jagħmlu ta’ warajna; dak jiddependi minna. Hemm allura kwistjoni ta’ ġustizzja interġenerazzjonali, li għandha wkoll tfakkarna li l-qadi tagħna, mhix xi ħaġa biss li għandha impatt illum, imma anke fil-ġejjieni. Jiena nifraħ għad-dell ta’ siġra li żera’ u ħawwel ħaddieħor. Jien kemm siġar se nkun żrajt u ħawwilt?”.

Sport