Tuesday, July 29, 2025

‘Qatt tinsa għaliex bdejt … l-imħabba lejn il-logħba tal-futbol għandha tkun il-mutur tiegħek’ – Christopher Farrugia

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira ħafna. Niftakarni dejjem b’ballun f’idi u kull darba li kont nara logħba fuq it-televixin kont ninnota l-goalkeeper – kien hemm xi ħaġa speċjali f’dik il-pożizzjoni li qatt ma ħallietni. Maż-żmien bdejt nieħu sehem ma’ timijiet tat-tfal, u minn hemm bdejt nirrealizza li dan mhux biss passatempu, imma passjoni vera.

Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek attwali bħala goalkeeper ta’ Santa Lucia FC?

L-esperjenza tiegħi ma’ Santa Lucia FC s’issa kienet waħda pożittiva ħafna. Il-klabb tani pjattaforma tajba fejn nista’ nuru l-kapaċitajiet tiegħi u fl-istess ħin inkompli nitjieb bħala gowlkiper. Ħassejtni apprezzat, u dan jagħtini motivazzjoni kontinwa biex inkompli nagħti l-aħjar tiegħi f’kull sessjoni u kull logħba.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

Naħseb li l-istaġun li għadda kien wieħed pożittiv, speċjalment meta tqis kif bdejna – kien hemm ħafna sfidi, iżda rnexxielna naslu sat-top 8, li kienet kisba sinifikanti għalina. Dan wera kemm konna magħqudin bħala tim u kemm konna determinati. Issa rridu nibnu fuq dak is-suċċess u naħdmu biex intejbu ruħna iktar, kemm kollettivament kif ukoll individwalment.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-livell tal-futbol Malti għaddej minn perjodu ta’ tkabbir. Il-kompetizzjoni qed issir aktar bilanċjata u hemm aktar investiment f’faċilitajiet, youth development u anke preparazzjoni fiżika. Għad hemm fejn intejbu – speċjalment f’termini ta’ konsistenza u infrastruttura – imma qed naraw progress, u dak huwa messaġġ pożittiv.

U x’tista’ tgħid dwar il-livell tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Il-grawnds f’Malta għamlu progress f’dawn l-aħħar snin, iżda għad hemm bżonn aktar investiment, speċjalment f’ċerti postijiet fejn il-kundizzjoni tal-pitch tista’ taffettwa l-logħba. Biex nibqgħu ntejbu l-livell tagħna bħala kampjonat, irridu nkunu ċerti li l-ambjent fejn nilagħbu jkun wieħed professjonali u sigur.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Qed inħares lejn il-futur b’mod ambizzjuż imma realistiku. Inħobb niffoka fuq l-għanijiet tiegħi staġun b’staġun, billi naħdem biex intejjeb il-partijiet kollha tal-logħba tiegħi. Naturalment, għandi l-ħolm tiegħi – bħal li nilgħab barra minn Malta jew nilħaq livelli ogħla – imma naf li kollox jiġi bi sagrifiċċji u dixxiplina. U jien lest għal dan.

Għaddi messaġġ finali lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.

L-aqwa parir li nista’ nagħti huwa li temmen fik innifsek anke meta ma jkunx qed jemmen ħaddieħor. Il-futbol mhux faċli – ikun hemm ġranet fejn kollox jimxi tajjeb, u oħrajn fejn kollox jidher kontra tiegħek. Imma jekk tibqa’ konsistenti, taħdem 100% u tisma’ lil dawk li jridu jgħinuk, tasal. U fuq kollox, qatt tinsa għaliex bdejt … l-imħabba lejn il-logħba tal-futbol għandha tkun il-mutur tiegħek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport