Wara li qatta’ 43 sena fil-ħabs għal qtil li ma kienx wettaq, Subramanyam “Subu” Vedam sa fl-aħħar ġie meħlus. Dan wara li evidenza ġdida ppreżentata aktar kmieni dan ix-xahar illiberatu mill-akkuża ta’ qtil.
Iżda qabel ma jingħaqad mal-familjari tiegħu, Vedam ittieħed taħt kustodja mill-Aġenzija Amerikana tal-Immigrazzjoni u l-Kontroll tad-Dwana (ICE), li jridu jiddeportawh lejn l-Indja – pajjiż li ilu ma jmur fih sa minn meta kien għadu tarbija.
Wara dan l-iżvilupp, it-tim legali ta’ Vedam qed jiġġieled kontra l-ordni ta’ deportazzjoni, u l-familja tiegħu tinsab determinata li toħorġu mill-kustodja – darba għal dejjem.
Iktar minn 40 sena ilu, Vedam kien ikkundannat għall-qtil ta’ Tom Kinser, student universitarju ta’ 19-il sena, li kien għamel xi żmien jgħix miegħu.
Il-katavru ta’ Kinser instab disa’ xhur wara li kien irrapportat nieqes, f’żona qalb is-siġar, b’tir f’rasu. Dakinhar li l-vittma sparixxa, Vedam kien talbu biex iwasslu. Filwaqt li l-karozza li kien qed isuq Kinser reġgħet ġiet imqiegħda fejn kienet tkun normalment, ħadd ma ra lil min poġġieha hemm.
Sussegwentement, Vedam ġie mixli bil-qtil ta’ Kinser u ma ngħatax ħelsien mill-arrest, l-awtoritajiet ħadulu l-passaport u l-green card tiegħu, u ġie mmarkat bħala “barrani probabbli li jaħrab”.
Sentejn wara, ġie kkundannat għall-qtil u ngħata sentenza ta’ għomor il-ħabs. Matul dan il-perjodu kollu, Vedam baqa’ jisħaq fuq l-innoċenza tiegħu. Dawk li kienu jappoġġjawh u l-membri tal-familja tiegħu enfasizzaw li ma kien hemm ebda prova fiżika li torbtu ma’ dan ir-reat.