Thursday, December 26, 2024

Qattiel ta’ żewġ tfajliet ammetta li abbuża sesswalment minn 23 katavru

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-priġunier David Fuller, li kien diġà nstab ħati li qatel żewġ tfajliet, għadu kemm ammetta f’qorti Ingliża li huwa ħati wkoll ta’ 16-il offiża sesswali fil-konfront ta’ 23 mara mejta li kienu miżmuma f’kamra mortwarja fi sptar. Maqful għall-qtil tfajliet Wendy Knell ta’ 25 sena u ta’ Caroline Pierce ta’ 20 sena, Fuller fuq medda ta’ 12-il sena anke ġibed filmati tiegħu jabbuża mill-mejtin. Dan l-aġir “marid” waqaf mal-arrest tiegħu lura fl-2020.

Dan il-kriminal ta’ 68 sena, quddiem il-qorti ta’ Croydon Crown, ammetta li huwa ħati ta’ 12-il kap ta’ akkuża fejn bejn l-2007 u l-2020 huwa kellu penetrazzjoni ma’ katavru, kif ukoll li huwa ħati ta’ erba’ kapi ta’ akkuża oħra, din id-darba, ta’ pornografija estrema.

Dan in-“Necrophiliac”, it-terminu wżat għal persuni li jkollhom x’jaqsmu sesswalment ma’ persuni mejta, kien qiegħed diġà jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs talli qalet żewġ tfajliet u talli abbuża sesswalment minn 102 katavri oħra. Illum deher quddiem il-qorti biex jirrispondi għal 16-il akkuża ġdida fil-konfront tiegħu fejn fil-fatt ammetta l-ħtija tiegħu.

Impjegat b’aċċess liberu għall-kamra mortwarja

Fuller kien impjegat bħala electrician fl-Isptar Tunbridge Wells u għaldaqstant kellu aċċess faċli għall-inħawi kollha fil-binja biex jattwa l-atti kriminali tiegħu. Huwa kien intefa’ l-ħabs talli sawwat u għallaq lil Wendy Knell u lil Caroline Pierce u mbagħad abbuża minnhom sesswalment. Dawn il-qtil li seħħu fl-1987 kienu magħrufa bħala l-“Bedsit Murders” – wieħed mill-aktar qtil li damu biex ġew solvuti fl-Istorja tar-Renju Unit.

Fost il-provi miġjuba fil-qorti l-pulizija ppreżentaw filmati li kien ġibed Fuller stess waqt l-abbuż tiegħu fuq il-katavri. Fost il-vittmi f’dawn il-filmati makabri kien hemm tifla ta’ disa’ snin, żewġ adoloxxenti ta’ 16-il sena u mara ta’ 100 sena.

Fl-2021 Fuller ingħata żewġ sentenzi ta’ għomor il-ħabs wara li kien ammetta għall-atti atroċi tiegħu fil-kamra mortwarja tal-isptar li kien jaħdem fih. Dan il-pensjonant kien ammetta wkoll l-akkużi taż-żewġ omiċidji kif ukoll għal 51 offiża oħra, inklużi 44 b’relazzjoni ma’ 78 vittmi fil-kmamar mortwarji bejn is-snin 2008 u l-2020.

L-atti kriminali tiegħu ġew fi tmiemhom wara li sar is-suspettat ewlieni taż-żewġ omiċidji li seħħu aktar minn 30 sena qabel. Waqt l-investigazzjojni Fuller instab grazzi għall-eżamijiet tad-DNA. Wara li dan kien ġie arrestat, il-pulizija sabet għadd ta’ filmati “moqżieża” li juru lil Fuller jabbuża minn katavri.

Ekonomija

Sport